STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA: Inwettqu Flimkien: Imnedija r-riforma fis-sistema tal-kumpilazzjoni u r-rinviji
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard flimkien mal-Kummissarju tal-Liġijiet l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi nieda għall-konsultazzjoni pubblika r-riforma fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u t-tneħħija tal-proċess tar-rinviju. Din hija waħda mill-akbar riformi fil-kamp kriminali u hija wkoll miżura elettorali li għandha tassigura li l-ġustizzja mhux biss issir u tidher li qed issir, imma wkoll ssir fi żmien raġjonevoli.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li din hija riforma oħra li se tkompli timpatta b'mod pożittiv il-qasam tal-ġustizzja kriminali u se tkompli tibni fuq riformi oħra, partikolarment ir-riformi li saru fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Huwa saħaq kif din hija wkoll riforma li tippreċedi riformi oħrajn li l-gvern qed jaħdem fuqhom, inkluż dik fil-kamp tal-inkjesti maġisterjali bil-ħolqien ta' sezzjoni fi ħdan il-maġistratura li tispeċjalizza fl-inkjesti.
“Din ir-riforma hija mmirata kemm biex tassigura li s-soċjetà tiġi protetta aħjar mill-perikli tal-kriminalità, kif ukoll biex isservi ta' benefiċċju għal min ikun involut fi proċess kriminali, kemm jekk bħala akkużat, kemm jekk bħala vittma, kif ukoll jekk bħala xhud, biex dawn il-persuni jgawdu r-rispett għad-drittijiet tagħhom u l-ġustizzja ssir fi żmien ragjonevoli," saħaq il-Ministru Attard.
Il-Kummissarju tal-Liġijiet l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi spjega fid-dettall il-punti prinċipali ta' din ir-riforma li jinkludu li l-Kumpilazzjoni tintemm fi żmien sena; jiżdiedu l-każijiet fejn il-kumpilazzjoni tista' ma ssirx; billi minn reati b'massimu ta' sitt snin ħabs se jiżdiedu wkoll dawk li l-massimu ma jeċċedix it-tnax-il sena ħabs; u l-Prosekuzzjoni trid tmur il-Qorti bil-provi u tippreżentahom fi żmien massimu ta' 70 ġurnata. Huwa spjega wkoll li numru ta' xhieda se jkunu jistgħu jixhdu b'affidavit, kif ukoll kwistjonijiet Kostituzzjonali u ta' Drittijiet Fundamentali mhux se jwaqqfu l-kumpilazzjoni, u se jiddaħħlu emendi biex jaraw li l-vittmi jkollhom il-jedd illi jipparteċipaw attivament fil-proċeduri.
Il-Ministru Attard temm jgħid li r-riforma se titqiegħed għall-konsultazzjoni aktar wiesgħa tas-soċjetà u taċ-ċittadini, u dan biex jitkompla l-eżerċizzju demokratiku ta' konsultazzjoni fuq qasam tant importanti. Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa sal-Erbgħa 31 ta' Mejju 2023 u kulħadd jista' jissottometti l-proposti tiegħu.
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937