STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti indirizza t-tieni edizzjoni tas-Summit Internazzjonali INNEXA, li laqqa’ f’Malta parteċipanti minn pajjiżi u setturi differenti biex jesploraw opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fl-innovazzjoni, fir-riċerka u fl-iżvilupp tan-negozju.
Fid-diskors tiegħu, il-ministru saħaq fuq ir-rwol tal-fondi Ewropej fit-tisħiħ tal-kompetittività ta’ Malta u fl-iżvilupp tal-ħiliet. Semma kif programmi bħal Horizon Europe u Erasmus+ jgħinu lin-negozji, lill-istituzzjonijiet akkademiċi u lil organizzazzjonijiet oħra jaqsmu l-għarfien, jibnu sħubijiet internazzjonali u jiżviluppaw soluzzjonijiet għal sfidi komuni. Fost dawn semma t-trasformazzjoni diġitali, l-intelliġenza artifiċjali u t-tranżizzjoni ekoloġika.
“Il-fondi Ewropej huma mezz biex l-ideat jissarrfu f’riżultati konkreti, biex insaħħu l-ekonomija tagħna u ntejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna,” saħaq il-Ministru Azzopardi Tanti. Huwa enfasizza l-importanza li n-negozji żgħar u medji jkollhom sehem f’dawn is-sħubijiet flimkien mal-universitajiet, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili.
Huwa ħeġġeġ lill-parteċipanti internazzjonali biex jikkunsidraw lil pajjiżna bħala sieħeb strateġiku għal kollaborazzjonijiet futuri fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni
Nicola Vita, il-President ta’ INNEXA, wera s-sodisfazzjon tiegħu li dan is-Summit Internazzjonali tal-INNEXA sar f’Malta. “Is-summit jagħti lill-membri tal-komunità tagħna l-opportunità li jiżviluppaw proġetti konġunti ta’ innovazzjoni ma’ msieħba internazzjonali. Billi jgħaqqdu l-għarfien fil-qasam tar-riċerka mal-esperjenza fl-industrija, il-membri jistgħu jittestjaw soluzzjonijiet ġodda u jintroduċuhom fis-suq,” kompla Vita. Huwa żied jgħid ukoll kif permezz ta’ INNEXA, il-membri jistgħu jfittxu finanzjament Ewropew għall-proġetti, jibnu sħubijiet fit-tul, kif ukoll jespandu fi swieq ġodda, kemm fl-Unjoni Ewropea u anke lil hinn minnha.
Il-programm tas-summit, mifrux fuq jumejn, inkluda sessjonijiet ta’ ħidma konġunta, laqgħat bejn in-negozji u preżentazzjonijiet ta’ proġetti. Dawn taw lill-parteċipanti l-opportunità li jidentifikaw interessi komuni u jesploraw kif jistgħu jaħdmu flimkien. Il-programm jinkludi wkoll diskussjonijiet dwar sħubijiet lil hinn mill-Ewropa, fosthom mal-Arabja Sawdija.
Il-ministru rringrazzja lil INNEXA, lill-Kamra tal-Kummerċ Taljana-Maltija, lil Across Limits u lit-3CL Foundation talli laqqgħu flimkien lil din il-komunità internazzjonali.
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261936