STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Inwettqu Flimkien: Ser tintuża teknoloġija innovattiva fil-proġett ta’ infrastruttura tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar
L-infrastruttura tad-drenaġġ f'San Pawl il-Baħar u f'Kennedy Grove ser tkun qed tiġi aġġornata permezz ta' teknoloġija avvanzata mingħajr l-użu tat-trinek, magħrufa bħala 'micro-tunnelling'.
Dan il-proġett, li se jitwettaq mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), b'investiment ta' €6.4 miljun, ħa jtejjeb bil-kbir is-sistema tal-immaniġġjar tad-drenaġġ fiż-żona.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-WSC Karl Cilia waqt żjara fil-lokalità, fejn ix-xogħlijiet mistennija li jibdew sal-aħħar ta' April.
Ġie spjegat li l-użu tas-sistema tal-micro-tunnelling tippermetti li ssir il-kostruzzjoni ta' infrastruttura tad-drenaġġ ta' 1.9km mingħajr il-bżonn ta' ħafna tħaffir. B'dan il-mod, se jitnaqqas sostanzjalment l-inkonvenjent għall-komunità, u jiġi wkoll imminimizzat l-impatt fuq l-ambjent.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza ta' dan il-proġett, u sostniet li, “Dan il-proġett huwa meħtieġ peress li l-popolazzjoni f'din il-lokalità qed tikber. Għalhekk, irridu nassiguraw li jkun hemm infrastruttura adegwata li kapaċi tindirizza d-domanda li dejjem tiżdied. Billi ntejbu s-sistema tad-drenaġġ, mhux biss intejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti iżda wkoll nipproteġu l-ambjent u niżguraw is-sostenibbiltà tal-komunità tagħna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin."
L-infrastruttura ġdida tad-drenaġġ hi mistennija li tiġbor fiha l-maġġoranza tad-drenaġġ ta' San Pawl il-Baħar u Kennedy Grove, biex b'hekk itaffi l-piż fuq l-infrastruttura eżistenti. Il-proġett se jkun maqsum f'żewġ partijiet u huwa mistenni li jitlesta f'50 ġimgħa. Ix-xogħol fuq iż-żewġ partijiet se jsir fl-istess ħin, biex b'hekk tiġi żgurata t-tlestija effiċjenti u f'waqtha ta' dan l-proġett tant meħtieġ.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia qal, “Dan il-proġett huwa xhieda tal-impenn tagħna għall-innovazzjoni u s-sostenibbiltà. Billi nisfruttaw it-teknoloġija avvanzata, aħna nimmiraw li ntejbu s-sistema tal-immaniġġjar tal-ilma mormi, kif ukoll nipproteġu s-saħħa pubblika u nippreservaw l-ambjent tagħna. Dan il-proġett huwa biss wieħed mill-ħafna li l-korporazzjoni se tkun qed taħdem fuqhom fil-futur qrib, b'inizjattivi simili ppjanati għall-Marsa, San Ġiljan, l-Imsida, u Birżebbuġa."
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar, Alfred Grima, li laqa' dan il-proġett, fejn saħaq li permezz ta' dan l-investiment se tkun qed tissaħħaħ l-infrastruttura tal-ilma u d-drenaġġ tal-lokalità. “Dan huwa investiment li qed jingħata prijorità mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, u wieħed li se jkun qed joħloq l-inqas inkonvenjent possibbli lir-residenti, minkejja d-daqs tal-proġett," tenna s-Sindku Alfred Grima.
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937