STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX INWETTQU FLIMKIEN: Inawgurati 56 e-bikes sabiex jintużaw mir-residenti Għawdxin, fost aktar proġetti tal-Aġenzija LESA f’Għawdex
Ir-residenti Għawdxin jistgħu jibdew jagħmlu użu minn 56 e-bike li nxtraw mill-Aġenzija LESA u l-Kunsill Reġjonali għal Għawdex. Dawn l-e-bikes inkisbu b'investiment ta' €82,000, li €65,000 minnhom tħallsu mill-Aġenzija LESA.
L-inawgurazzjoni ta' dawn l-e-bikes saret f'Marsalforn u għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, il-President tar-Reġjun ta' Għawdex Samuel Azzopardi, u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA Svetlick Flores.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li permezz ta' dawn il-proġetti qed naraw aktar ħidma tanġibbli mill-aġenzija LESA fil-lokalitajiet ta' Għawdex. Spjega li dan imur id f'id mal-istrateġija tal-istess aġenzija, li tinvesti l-flus miġbura miċ-ċitazzjonijiet fi proġetti li jaqdu lir-residenti. Huwa tenna li r-reġjun ta' Għawdex huwa eżempju ċar tal-ħidma kordinata li qed issir bejn ir-reġjuni, il-kunsilli u l-aġenzija LESA.
“Dan huwa wieħed mill-isbaħ proġetti li saru minn dan il-fond fejn numru ta' ċittadini Għawdxin, primarjament żgħażagħ, qed jiġu pprovduti trasport alternattiv fil-gżira Għawdxija. Apparti l-ħidma sabiex ikun hemm l-ordni fil-lokalitajiet, permezz tal-flus li jinġabru minn dawk li jabbużaw mil-liġi qed isiru proġetti li minnhom jibbenefikaw ir-residenti tal-lokalitajiet diversi, f'dan il-każ dawk Għawdxin," tenna l-Ministru Camilleri.
Huwa għamel referenza wkoll għall-kameras tas-sigurtà li ġew installati tul ix-xatt ta' Marsalforn, fejn spjega li dawn il-kameras se jkunu qed jgħinu lill-Pulizija sabiex tissaħħaħ is-sigurtà f'din il-lokalità.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “dan il-Gvern għandu viżjoni għal pajjiż b'arja aktar nadifa u għalhekk permezz ta' dawn l-e-bikes qegħdin ukoll noffru trasport alternattiv lir-residenti Għawdxin mingħajr emissjonijiet u li jkun ideali għal vjaġġi ta' distanza qasira fil-gżira Għawdxija."
Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar il-ħidma li qed issir, b'kollaborazzjoni mal-Korp tal-Pulizija, sabiex tiżdied is-sigurtà, anke permezz ta' installazzjoni ta' sistema ta' kameras tas-sigurtà, fosthom f'Marsalforn.
Il-President tar-Reġjun Għawdex Samuel Azzopardi qal li “Proġetti bħal dan huma parti mill-istrateġija tal-Kunsill Reġjonali Għawdex biex inkomplu nrawmu kultura u stil ta' ħajja f'Għawdex li tpoġġi l-ewwel lill-ambjent, sabiex inħallu Għawdex aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin."
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores, qal li sa mit-twaqqaf tagħha l-aġenzija dejjem emmnet li l-flus ġenerati miċ-ċitazzjonijiet għandhom jerġgħu jiġu investiti lura fil-komunitajiet. “Permezz ta' skema maħruġa għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali qed naraw illi jitwettqu diversi proġetti li minnhom tgawdi s-soċjetà," temm jgħid is-Sur Flores.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938