STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Inwettqu Flimkien: Tirritorna n-Nickelodeon Treasure Hunt bejn is-27 u t-28 ta’ Mejju li ġej
Għat-tielet darba ser tkun qiegħda tirritorna f'pajjiżna l-attività Nickelodeon Treasure Hunt, bejn is-27 u 28 ta' Mejju li ġej. Dan l-avveniment, mifrux fuq jumejn, se jkun qiegħed jara l-Belt Valletta tinbidel f'festival għall-familji li jinvolvi karattri ta' animazzjoni popolari mat-tfal li jinkludu SpongeBob SquarePants, PAW Patrol, Transformers u Baby Shark.
L-attrazzjonijiet ta' Nickelodeon Treasure Hunt se jkunu fit-Triq ir-Repubblika, Pjazza Teatru Rjal, Pjazza La Valette u Pjazza Tritoni. Il-programm ta' attivitajiet ser jinkludi wkoll logħob f'għamla ta' treasure hunt għall-familji u t-tfal f'attrazzjonijiet turistiċi oħrajn li jinkludu Għar Dalam, Ħaġar Qim, l-Imnajdra, il-Park Arkeoloġiku, il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali u l-Katakombi ta' San Pawl.
Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.
Il-Ministru Bartolo saħaq kif in-niċċa tal-family tourism hija waħda li dejjem qiegħda tikber fil-prodott turistiku lokali. “Huwa importanti li nkomplu nsegwu r-rikjesti tat-turisti tal-lum. Għalhekk ninsabu impenjati li nsaħħu l-varjetà fl-avvenimenti li jiġu organizzati f'pajjiżna, fejn qed naraw li dawn it-tip ta' attivitajiet jimxu id f'id mal-viżjoni aħħarija li fis-snin li ġejjin negħlbu l-istaġjonalità min-narrativa turistika," tenna l-Ministru Clayton Bartolo.
Iċ-Chairman Gavin Gulia qal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tinsab impenjata li tkompli tassisti iżjed avvenimenti ta' din l-għamla biex pajjiżna verament iħaddan futur sostenibbli għaż-żmien li ġej.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938