STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Inwettqu Flimkien: Investiment ta’ iktar minn nofs miljun ewro biex jittejbu l-faċilitajiet għall-anzjani f’Dar il-Mistrieħ
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ħabbret investiment ta' aktar minn nofs miljun ewro (€511,200) f'Dar il-Mistrieħ fil-Floriana, waħda mid-djar tal-anzjani fil-qalba tal-komunità. L-investiment se jinvolvi tisbiħ fil-faċilitajiet u jkompli jtejjeb l-aċċessibbiltà f'din id-dar, fost oħrajn.
F'konferenza tal-aħbarijiet bit-tema 'Inwettqu Flimkien' indirizzata mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, ġie spjegat kif kienet ilha tinħass il-ħtieġa ta' investiment favur faċilitajiet ġodda għal din id-dar li tilqa' madwar 45 resident. Fil-fatt, ġie spjegat kif il-Gvern diġà investa madwar €190,000 fejn b'dawn il-flus ġew irranġati s-soqfa fuq il-hairdressing salon, żdied l-aċċess għall-ġnien u saret l-arja kkundizzjonata fi kmamar u l-kappella f'din id-dar fost oħrajn. Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna l-importanza ta' dan l-investiment favur l-anzjani li jirrisjedu jew li għad jirrisjedu fiha fil-futur. Il-Ministru rrimarka kif din id-dar hija waħda mill-erba' djar residenzjali tal-Gvern u li għalkemm hi waħda żgħira hija mfittxija ħafna mill-anzjani li jgħixu fil-Belt u fil-Furjana.
Spjega wkoll li dan l-investiment kien meħtieġ hekk kif beda jinħass il-bżonn li tiġi mħarsa l-istruttura tad-dar filwaqt li jinżamm livell ta' standards għolja. Dan apparti li jsir investiment sabiex ikun hemm kliniċi multidixxiplinari biex ir-residenti jingħataw trattament ħolistiku f'din id-dar stess. Il-Ministru Abela stqarr li r-resident dejjem għandu jiġi l-ewwel billi noffrulu sigurtà u kwalità għolja ta' servizz.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-AACC Renzo De Gabriele spjega kif l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħda tkompli l-ħidma sabiex id-djar immexxija mill-Gvern ikollhom l-aqwa servizzi u infrastruttura sabiex tingħata l-aħjar kura lir-residenti li jgħixu fihom.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938