Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Se jerġa’ jibda jittella’ programm kulturali għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor

PR230496
Date Icon 05/04/2023

Wara nuqqas ta' tliet snin, se jerġa' jittella' programm kulturali għall-festa tradizzjonali ta' San Girgor hekk kif id-Direttorat tal-Kultura ngħata l-inkarigu li jibda jieħu ħsieb dawn il-festeġġjamenti b'seħħ minn din is-sena. Fil-programm tnieda f'konferenza stampa li saret fiż-Żejtun, se tingħata enfasi kbira dwar l-aspett tradizzjonali ta' din il-festa antika li hi maħsuba li bdiet tiġi ċċelebrata fl-1543. Tradizzjonalment din il-festa tradizzjonali, minbarra l-aspett reliġjuż tagħha, hija magħrufa għar-rabta li għandha mal-ewwel għawma li ssir fl-ewwel Erbgħa wara l-Għid il-Kbir.

Il-Ministru għal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li hu essenzjali li bħala gvern isir ix-xogħol meħtieġ sabiex festi tradizzjonali bħalma hi San Girgor jibqgħu jimxu 'l quddiem u jitgħaddew minn ġenerazzjoni għal oħra. Huwa saħaq li fit-tfassil tal-programm tal-attivitajiet marbuta ma' din il-festa tradizzjonali, id-Direttorat tal-Kultura ħadem id f'id mal-kunsilli lokali taż-Żejtun u ta' Marsaxlokk u se ssir enfasi dwar l-aspett tal-wirt intanġibbli ta' pajjiżna. “B'dan il-mod se nkunu qed norbtu dan l-aspett tradizzjonali Malti ma' qawmien ta' kuxjenza ma' aspetti tal-wirt intanġibbli ta' pajjiżna, bħall-ftira tradizzjonali Maltija u bħall-għana, li ġew rikonoxxuti fil-lista rappreżentattiva tal-UNESCO", irrimarka l-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli saħqet dwar l-irwol importanti tal-attivitajiet kulturali fis-soċjetà u spjegat li attivitajiet kulturali bħal din ta' San Girgor jgħinu fil-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali, jagħtu spinta lill-ekonomija lokali u jrawmu koeżjoni soċjali. Fuq dan il-punt is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet, “Is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali kommess li jibqa' jgħin lill-Kunsilli Lokali permezz ta' skemi kulturali sabiex naċċertaw li l-wirt kulturali jibqa' jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra."

Intant, id-Direttorat tal-Kultura, bħala parti minn proċess ta' ristrutturar intern, wettaq ukoll rebranding. Il-logo l-ġdid tad-direttorat ġie wkoll varat matul il-konferenza stampa u dan ġie ispirat mid-disinn tal-maduma tradizzjonali Maltija. Id-Direttur ta' dan id-direttorat Aleks Farrugia qal li l-proċess ta' ristrutturar tad-Direttorat tal-Kultura se jwassal biex id-Direttorat isaħħaħ l-identità u l-operat tiegħu. Huwa spjega li l-kuluri li jifformaw l-iskema ta' kuluri tal-branding huwa meħud mill-kuluri ta' tlugħ ix-xemx fuq il-Port il-Kbir, fejn it-tlugħ ix-xemx huwa simboliku ta' jum ġdid u għalhekk il-ħarsa lejn il-ġejjieni, kif ukoll il-port li jiftaħ fuq il-baħar, simbolu tal-konnettività mal-bqija tad-dinja.

Id-Direttorat tal-Kultura huwa responsabbli mit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali tal-Kultura. Dan id-direttorat jippromwovi l-edukazzjoni u r-riċerka fil-qasam tal-kultura, iwassal il-politika kulturali Maltija f'fora internazzjonali, u jippromwovi l-ġustizzja kulturali, bil-għan li jingħata spazju u jkunu mħarsa kulturi marġinali u l-komunitajiet. Id-Direttorat tal-Kultura huwa wkoll il-promotur u r-rappreżentant ta' Malta mal-UNESCO għall-wirt intanġibbli ta' pajjiżna.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Se jerġa’ jibda jittella’ programm kulturali għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Se jerġa’ jibda jittella’ programm kulturali għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirreġistra wieħed mill-akbar avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE

PR261938

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirre...

More Press Releases Right arrow