STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Inwettqu Flimkien: Ikompli jissaħħaħ it-tagħlim għall-adulti
Permezz ta' ftehim li ġie ffirmat, saru sensiela ta' korsijiet fl-edukazzjoni finanzjarja, parti mit-tagħlim li jingħata fl-Edukazzjoni fit-Tul, mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni b'kollaborazzjoni ma' ĠEMMA, fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Il-Ministru Clifton Grima qal li l-ħidma li qed issir fit-Tagħlim tul il-Ħajja, magħruf bħala Lifelong Learning, qed tagħti l-frott tagħha. Fil-fatt, l-aħħar statistika maħruġa mill-Eurostat tindika li l-parteċipazzjoni ta' adulti f'dan it-tip ta' tagħlim qed jiżdied, tant li sal-aħħar tal-2021, Malta kellha rata ta' 13.8%, mqabbla mal-10.8%, li hija l-medja Ewropea. Din ir-rata hija l-ogħla waħda li qatt ġiet reġistrata għal pajjiżna. “L-edukazzjoni finanzjarja hija aspett importanti tal-edukazzjoni, kif ifformulat fid-dokument tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Bħala gvern, aħna kommessi biex ngħinu lill-istudenti tagħna ta' kull età bl-aħjar mod li nistgħu u nipprovdulhom l-għodda meħtieġa biex ngħinuhom jiżviluppaw aktar il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom", qal il-Ministru Grima.
l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq fuq l-importanza li dawn iż-żewġ ministeri jaħdmu id f'id. Il-Ministru Falzon tkellem kif l-għan aħħari huwa li permezz ta' kors bħal dan u inizjattivi oħra, tissaħħaħ il-ħajja tal-individwi fis-soċjetà tagħna. Il-Ministru Falzon qal li “Ġemma" huwa kunċett ta' investiment li jiffoka fuq il-kapaċità finanzjarja. Saħaq illi huwa essenzjali li wieħed jibqa' jitgħallem biex ma jaqax lura. “Irridu naħsbu fuq għada. Irridu nibqgħu naħdmu flimkien, għax b'hekk biss nistgħu nżidu l-kapaċità finanzjarja kemm fiż-żgħar u kemm fl-adulti", temm jgħid il-Ministru Michael Falzon".
Il-korsijiet huma riżultat ta' ftehim li ġie ffirmat bejn iż-żewġ naħat, li jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u ĠEMMA.
Dawn il-korsijiet, li bdew f'Ottubru li għadda, jittrattaw l-aspett finanzjarju minn kull angolu u huma importanti għal dawk kollha li jridu li jtejjbu l-qagħda tagħhom kemm personali kif ukoll il-prospetti tagħhom għall-futur. Dawn il-korsijiet huma wkoll riflessjoni tal-importanza li għandha l-edukazzjoni għall-adulti għaliex hija opportunità biex wieħed itejjeb l-istudju tiegħu u l-karriera tiegħu.
Din is-sensiela ta' tagħlim, magħrufa bħala 'Personal Finance – Managing your Money course' kienet mifruxa fuq 8 ġimgħat u kopriet suġġetti marbuta mal-aspett finanzjarju, minn kif wieħed ifassal budget, kif wieħed iġemma', kif wieħed jippjana l-infiq tiegħu, sa kif wieħed jifhem aspetti varji tad-dinja finanzjarja.
Wieħed jista' jikseb aktar informazzjoni billi jżur is-sit elettroniku: http://www.lifelonglearning.gov.mt, info@lifelonglearning.gov.mt jew billi jċempel fuq 153.
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en