Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Inwettqu Flimkien: imnedija skema li tippromwovi l-użu tajjeb tal-Malti u l-kultura fil-gazzetti

pr230475
Date Icon 30/03/2023

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali nieda Skema għall-Gazzetti Stampati permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, bil-għan li fil-gazzetti jiġi promoss l-użu tajjeb tal-lingwa Maltija kif ukoll il-kultura. 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “Permezz ta’ din l-inizjattiva qed nippromwovu l-lingwa Maltija u l-użu korrett tagħha filwaqt li nkomplu nsaħħu l-għarfien fis-setturi tal-arti u l-kultura. Għaldaqstant qed ninkoraġġixxu aktar ir-rikonoxximent tas-setturi u l-irwol tagħhom fil-benesseri tas-soċjetà tagħna, billi nagħmluhom aktar aċċessibbli.”

Id-Direttur tal-Fondi u Strateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, qalet, “Bħala kunsill qegħdin naħdmu id f’id mal-ministeru biex noħolqu aktar sinerġiji fis-settur. Dan sabiex inkomplu nsaħħuh kemm bħala pjattaforma, kif ukoll biex inkomplu ninfurmaw lill-pubbliku mhux biss dwar l-opportunitajiet li joffri s-settur kulturali u kreattiv, imma wkoll biex isiru jafu aktar dwaru.” 

Ġie spjegat li din l-iskema se tkun maqsuma fi tnejn. L-ewwel parti hija mmirata li toffri appoġġ f’termini ta’ servizzi lingwistiċi għall-gazzetti stampati bil-lingwa Maltija. Dawn il-gazzetti se jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp lingwistiku, inklużi l-ortografija u t-titjib tal-espressjoni ġurnalistika, f’termini ta’ stil, ċarezza, sintassi u semantika. B’baġit ta’ €150,000, kull proġett huwa eliġibbli għall-ammont massimu ta’ €30,000.

It-tieni parti tal-iskema hija mmirata li toffri appoġġ għall-ispejjeż involuti fil-ħolqien ta’ kontenut regolari tal-arti, kultura, u wirt nazzjonali ddisinjat biex jgħarraf lill-qarrejja dwar aspetti kulturali permezz ta’ features, artikli, u materjal viżiv għall-promozzjoni ta’ avvenimenti u proġetti biex jattiraw udjenzi ġodda. B’baġit ta’ €250,000, kull proġett huwa eliġibbli  għall-ammont massimu ta’ €30,000.

Il-fond jista’ jkopri 100% tal-ispejjeż totali tal-proġett, u kull proġett jingħata massimu ta’ 12-il xahar biex jiġi implimentat. Din is-sejħa tagħlaq fit-23 ta’ Mejju f’nofsinhar, bir-riżultati jiġu ppubblikati fl-4 ta’ Lulju. Iż-żmien eliġibbli biex jiġu implimentati il-proġetti hu mill-5 ta’ Lulju 2023 sal-4 ta’ Lulju 2024. Għal aktar informazzjoni żur hawn https://bit.ly/SkemaGazzetti.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Inwettqu Flimkien: imnedija skema li tippromwovi l-użu tajjeb tal-Malti u l-kultura fil-gazzetti
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

More Press Releases Right arrow