Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jniedi t-tieni parti tal-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi”

pr230455
Date Icon 27/03/2023

Il-President ta' Malta George Vella nieda ktejjeb diġitali b'tagħrif dwar l-ilsien Malti u riżorsi utli għall-istudenti u l-ġenituri li jistgħu jgħinuhom fl-istudju. L-aċċess għal dan il-ktejjeb diġitali se jkun permezz ta' kodiċi QR fuq werrejja li se jitqassmu lill-istudenti kollha tal-Primarja u s-Sekondarja f'Malta u f'Għawdex.

Fi tnedija fil-Kulleġġ San Injazju Skola Medja Ħandaq, il-President Vella spjega li din l-inizjattiva qed tagħti bidu għat-tieni parti tal-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi" favur l-użu tajjeb tal-lingwa Maltija. “Sa mill-bidu tal-Presidenza tiegħi insistejt b'mod qawwi u sħiħ dwar it-tħaddim xieraq tal-lingwa Maltija. Insistejt li dan l-impenn ma jridx jkun ġej biss mill-għaqdiet tal-Malti li flimkien ingħaqdu biex jaħdmu mal-Uffiċċju tiegħi għal dan il-għan," qal il-President. Żied li dan l-impenn għandu jkun ta' kull wieħed u waħda minna, iżda mhux l-inqas tal-istituzzjonijiet li għandhom id-dmir u d-dover li jixprunaw lill-poplu biex jagħmel dan.

Il-President ħabbar li x-xahar id-dieħel l-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti se jtellgħu konferenza, bl-isem “L-ilsien Malti għal Qalbi – Konferenza dwar l-użu ta' lsienna fostna", li se ġġib flimkien bosta minn dawk li għandhom poter deċiżjonali dwar kif u b'liema mod jintuża l-Malti. “Nittama li d-diskussjoni li se tixpruna din il-konferenza twassal biex jiġu identifikati l-modi kif nistgħu nħaddmu l-lingwa aħjar," stqarr il-President Vella.

Justine Somerville, f'isem l-għaqdiet tal-Malti, spjegat lill-istudenti li l-għan tal-ktejjeb huwa li jkun punt ta' referenza għal dak kollu li għandu x'jaqsam mal-ilsien Malti għax fih isibu, fost oħrajn, tagħrif dwar karrieri li jistgħu jaqbdu jekk ikunu jafu jħaddmu l-Malti tajjeb, kurżitajiet fuq il-lingwa u kif żviluppa, struzzjonijiet biex iniżżlu l-ittri tal-Malti fuq il-mobile jew it-tablet, u links għal siti fuq l-internet marbuta mal-lingwa Maltija. Dwar il-konferenza, is-Sinjorina Somerville spjegat li din se tkun opportunità biex nirriflettu fuq it-tħaddim tal-Malti fil-pubbliku bis-sehem ta' kelliema li se jittrattaw sitwazzjonijiet differenti li fihom jintuża l-Malti u kif il-lingwi jistgħu jagħmlu s-servizzi pubbliċi aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini, fost l-oħrajn.

Indirizzaw it-tnedija l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Justin Schembri, li stqarrew li inizjattivi bħal dawn huma importanti biex iżommu l-ilsien Malti ħaj b'mod partikolari fost l-istudenti.

Il-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi" qed tittella' mill-Uffiċċju tal-President ta' Malta b'kollaborazzjoni ma' seba' għaqdiet tal-Malti: il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta' Malta, l-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti – Università, l-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti, Inizjamed, u l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jniedi t-tieni parti tal-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi”
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jniedi t-tieni parti tal-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi”
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jniedi t-tieni parti tal-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi”
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jniedi t-tieni parti tal-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi”
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta jniedi t-tieni parti tal-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi”
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

More Press Releases Right arrow