Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTRU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar fondi Ewropej għall-qasam agrikolu

pr212075
Date Icon 18/11/2021

F'laqgħa tal-MCESD, fil-preżenza tal-Ministru Carmelo Abela u l-imsieħba soċjali, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ppreżenta dokument għall-konsultazzjoni pubblika rigward l-ipprogrammar tal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għall-perjodu 2023-2027.

Dan il-pjan se jkompli jibni fuq it-tipi u x-xejriet ta' appoġġ li kienu offruti taħt miżuri, ħlasijiet diretti u skemi preċedenti tal-PAK. F'konformità mar-regolamenti l-ġodda Ewropej għal dan il-perjodu, il-Pjan Strateġiku tal-PAK għal Malta se jappoġġja t-tliet għanijiet ġenerali deskritti fil-qafas regolatorju li jirrigwardaw:

  1. It-trawwim ta' settur agrikolu intelliġenti, kompetittiv, reżiljenti u diversifikat, li jiżgura s-sigurtà tal-ikel fit-tul;
  2. L-appoġġjar u t-tisħiħ ta' protezzjoni ambjentali, inkluż il-bijodiversità u l-azzjoni dwar il-klima, kif ukoll kontribuzzjoni għall-kisba tal-objettivi tal-klima u ambjentali tal-Unjoni, inklużi l-objettivi taħt il-Ftehim ta' Pariġi; u
  3. Tisħiħ tan-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela rrimarka li hekk kif Malta rnexxielha tikseb pakkett finanzjarju b'saħħtu għall-Programm ta' Fondi 2021-2027—pakkett ta' aktar minn żewġ biljun ewro—u hekk kif pajjiżna għaddej minn żmien ta' rkupru mill-pandemija, irridu naraw li l-fondi Ewropej jiġu allokati u minfuqa bl-aktar mod tajjeb u skont il-miri ta' pajjiżna.

B'referenza għall-miżuri li tħabbru fil-baġit 2022, li huma miżuri speċifiċi li jimplimentaw il-viżjoni medium to long term,il-Ministru Abela spjega kif il-viżjoni tal-infiq ta' dawn il-fondi Ewropej trid tirrispetta l-istess viżjoni ta' pajjiżna u li jkollna approċċ ħolistiku.

F'dan ir-rigward, il-Ministru Abela kkonkluda li: “Irridu naraw li dawn il-fondi jidħlu fil-viżjoni li pajjiżna għandu quddiemu; viżjoni sostenibbli, u li jkunu ta' sostenn għat-tliet pilastri li rridu nżommu quddiem għajnejna l-ħin kollu: il-qasam ekonomiku, ambjentali, u soċjali." Fi żmien ta' pandemija, il-fondi Ewropej għandhom aktar importanza u kruċjali, fejn dan l-investiment għandu jikkumplimenta n-nefqa li qed issir minn fondi nazzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr ukoll li l-investimenti proposti għandhom jimmiraw li jipprovdu riżorsi adegwati biex jissodisfaw it-talbiet futuri, inklużi l-objettivi ambjentali u klimatiċi, teknoloġiji ġodda u diġitalizzazzjoni, dħul ġust għall-bdiewa u l-ħaddiema, it-titjib tal-kundizzjonijiet rurali, u t-titjib tar-reżiljenza tal-irziezet. 

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-impenn tal-Gvern li jalloka fondi taħt il-qasam tal-Argikoltura għal Għawdex, il-Pjan se jindirizza l-bżonnijiet tas-settur tal-agrikoltura f'Għawdex billi se jiġu allokati 10% tar-riżorsi tiegħu lill-gżira Għawdxija.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jipparteċipa f'din il-konsultazzjoni pubblika billi jintbagħtu suġġerimenti jew kummenti sal-Ġimgħa, 10 ta' Diċembru permezz ta' email fuq consultationcapsp@gov.mt jew ittra lid-Direttur Ġenerali, Taqsima Strateġija u Implimentazzjoni, Taqsima Fondi Ewropej, 32, House of Catalunya, Marsamxett Road, Valletta. Id-dokument sħiħ jista' jitniżżel mis-sit elettroniku www.eufunds.gov.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTRU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar fondi Ewropej għall-qasam agrikolu
STQARRIJA MILL-MINISTRU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar fondi Ewropej għall-qasam agrikolu
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow