Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957
Date Icon 18/11/2026

Madwar 4,000 rizzi tal-baħar żgħir, minn madwar 50,000 rizza, diġà qed jitrabbew fil-faċilitajiet tal-Aquatic Resources Malta u mistennija jintużaw għar-ripopolazzjoni tal-ibħra Maltin.


Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo żar il-faċilitajiet tal-Aquatic Resources Malta f’Torri San Luċjan, fejn seta’ jsegwi mill-qrib il-ħidma ta’ riċerka u t-trobbija tar-rizzi tal-baħar bil-għan li tissaħħaħ il-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi u tiġi promossa r-ripopolazzjoni tagħha fl-ibħra Maltin.


Matul iż-żjara, il-Ministru Refalo, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Aquatic Resources Malta, Francis Fabri, ingħata tagħrif dwar il-progress li qed isir fit-trobbija tar-rizzi tal-baħar tal-ispeċi Paracentrotus lividus, magħrufa bħala r-rizzi vjola tal-baħar, kif ukoll dwar l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda tal-akwakultura.


Bħalissa, fil-faċilitajiet tal-ARM qed jitrabbew madwar 4,000 rizzi tal-baħar żgħir, li qed jintużaw biex jiġu żviluppati u mtejba t-tekniki tat-trobbija, isiru provi xjentifiċi u titwettaq riċerka li mistennija twassal ukoll għall-pubblikazzjoni ta’ studji xjentifiċi. Din il-ħidma tinkludi wkoll inizjattivi edukattivi u ta’ għarfien dwar l-importanza tal-ħarsien tar-riżorsi tal-baħar.


L-ewwel rilaxx fil-baħar ta’ madwar 50,000 rizza mkabbra mill-aġenzija Aquatic Resources Malta huwa ppjanat għal Marzu tal-2027 sabiex din l-ispeċi terġa’ tissaħħaħ fl-ambjent naturali tagħha.


Il-Ministru Anton Refalo sostna li dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fir-riċerka xjentifika, fil-konservazzjoni tal-bijodiversità marina u fl-iżvilupp sostenibbli tas-settur tal-akwakultura. “Permezz ta’ proġetti bħal dawn qed nuru kif ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jwasslu għal riżultati konkreti fil-ħarsien tal-ambjent marittimu tagħna. It-trobbija tar-rizzi tal-baħar u l-pjan biex dawn jerġgħu jiġu introdotti fl-ibħra Maltin huma eżempju ta’ kif nistgħu naħdmu biex inħarsu r-riżorsi naturali tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri. Irridu li Malta tkompli tkun minn ta’ quddiem fir-riċerka u fl-iżvilupp ta’ prattiki sostenibbli fl-akwakultura,” qal il-Ministru Refalo.


Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aquatic Resources Malta, Francis Fabri, spjega “l-Aġenzija rnexxiela twettaq b’suċċess il-proċess ta’ fertilizzazzjoni ġewwa l-laboratorji tagħha, bil-proċess metamorfiku jgħaddi b’suċċess biex illum għandna madwar 4,000 rizza żgħira li tnisslu fil-laboratorji tagħna minn kampjun ta’ rizzi adulti li ttellgħu mill-baħar Malti għal skopijiet ta’ riċerka. Bħala parti mill-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi, madwar 50,000 rizza huma mistennija li jiġi rilaxxati f’zoni partikolari tal-baħar Malti.”


Dr Fabri spjega wkoll li qed jiġu ddisinjati, mibnija u ttestjati sistemi ġodda tal-akwakultura biex tiżdied il-kapaċità tal-aġenzija li trabbi numru akbar ta’ rizzi tal-baħar, apparti speċi oħrajn. Dan għandu jippermetti li l-attivitajiet ta’ riċerka u ripopolazzjoni jkomplu jikbru fis-snin li ġejjin. Huwa fakkar li Malta għandha moratorju li jipprojbixxi l-qbid tar-rizzi mill-baħar Malti u spjega li rizza tieħu madwar sena biex tikber ċentimetru u teħtieġ bejn 5 u 7 snin biex timmatura.


Il-proġett għandu wkoll viżjoni fit-tul li Malta ssir punt ta’ referenza fil-Mediterran fil-qasam tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar, permezz tal-iżvilupp ta’ għarfien xjentifiku, teknoloġiji u metodi innovattivi li jistgħu jikkontribwixxu għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Europe’s security is directly linked to that of the Mediterranean – Minister Glenn Bedingfield

PR261955en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...

More Press Releases Right arrow