TITNIEDA IT-TMIEN EDIZZJONI TA’ LEJL F’CASAL FORNARO
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo, nedew it-tmien edizzjoni tal-attività kulturali ‘Lejl f’Casal Fornaro’ li se ssir f’Ħal Qormi nhar is-Sibt 18 t’Ottubru.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li din l-attivita’ issa saret inizzjattiva nazzjonali li daħlet fil-kalendarju turistiku. Hu sostna li l-miljun persuna li żaru s-600 attivita’ kulturali li ttellgħu matul l-2013 huma xhieda tas-suċċess tagħhom. Hu żied jgħid li dawn l-attivitajiet li jkabbru l-identita’ tal-lokalitajiet huma mfittxija mill-Maltin, iżda wkoll mit-turisti li jfittxu dawn l-avvenimenti biex jaraw xi ħaġa ġdida li ma jsibux f’pajjiżhom.
Filwaqt li faħħar l-impenn taż-żgħażagħ li jorganizzaw din l-attività, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes qal li dawn l-attivitajiet għandhom rwol importanti fil-promozzjoni ta’ prodotti Maltin, fosthom il-ħobż li hu sinonimu mal-lokal ta’ Ħal Qormi.
Roderick Galdes qal li l-gvern diġa witta t-triq għal leġislazzjoni biex prodotti tradizzjonali Maltin, fosthom il-ġbejna u l-ħobż, ikollhom marka ta’ kwalita li tiddistingwihom minn prodotti oħrajn.
L-organizzaturi tal-attivita’ ddeskrivew Lejl f’Casal Fornaro bħala attivita li fiha l-kultura tieħu l-ħajja fil-belt tal-furnara. Huma qalu li karatteristiċi Maltin, fosthom il-kebbies tal-fanal, il-furnar bil-kaxxa tal-ħobż, il-bejjiegħ tal-ħaxix bil-karrettun fost oħrajn, se jkunu preżenti waqt l-attività. Diversi fran u mitħna antika se jkunu miftuħin ukoll għall-pubbliku. Lejliet l-attivita’ se jittella l-festival tal-Ħobż, li se jkun inawgurat mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. Fost l-attrazzjonijiet f’dan il-festival se jkun hemm Salib kbir ta’ Malta magħmul minn diversi tipi ta’ ħobż tradizzjonali Malti. Il-bejgħ ta’ dan il-ħobż se jmur għall-Malta Community Chest Fund.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo temm jgħid li l-fatt li din hi t-tmien edizzjoni tal-attività Lejl f’Casal Fornaro turi s-suċċess li rnexxielhom jiksbu l-organizzaturi żgħażagħ b’din l-attività kulturali.
Other Press Releases:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045