IL-GVERN QATT MA ĦARAB MIR-RESPONSABBILTA’ U QATT MA ĊAĦAD LI F’PAJJIŻNA HAWN PROBLEMA KBIRA TA’ TRAFFIKU, LI QED ISSIR DEJJEM AKTAR SERJA SENA WARA OĦRA.
Huwa fatt magħruf, anke fid-dawl ta’ statistika ppubblikata lbieraħ, li sena wara oħra, il-vetturi f’pajjiżna qegħdin dejjem jiżdiedu, iżda l-verita’ hija li l-infrastruttura ta’ dan il-pajjiż mhijiex adegwata biex tilqa’ għal din ir-realtà.
Li mhux qed issemmi l-Oppożizzjoni f’25 sena kemm kienet ilha fil-Gvern, minkejja li rat il-problema tiżdied sena wara oħra, qatt ma solviet din il-problema, iżda issa trid li l-Gvern isolviha fi żmien sena u nofs.
Hija x-xewqa ta’ kulħadd li naslu għal soluzzjoni, iżda din ma tinstabx mil-lum għal għada. Sa mill-ewwel ġranet fl-amministrazzjoni, il-Gvern beda jimplimenta miżuri urġenti biex jgħinu fl-andament tat-traffiku, waqt li qed jagħti prijorita’ lil proġetti akbar li għandhom iwasslu għal tnaqqis fit-traffiku, u li Gvern preċedenti, minkejja li kien ippjanahom, baqa’ qatt ma wettaqhom, fosthom Triq il-Kosta u l-junction tal-Kappara, kif ukoll il-proġett ta’ Triq Diċembru 13 li dan il-Gvern sabu wieqaf għal kollox. Barra minn hekk, il-Gvern qed jippjana wkoll fit-tul, fosthom għal proġett kbir li għandu jnaqqas it-traffiku fin-nofsinhar tal-pajjiż.
Wieħed irid jifhem li proġetti kaptiali jirrikjedu ammont kbir ta’ investiment, pero’ għalkemm mirakli ma jsirux, dan il-Gvern telaq bi pjan biex jindirizza din il-problema. Dan juri kemm assolutament mhijiex ġusta l-kritika li qed issir min-naħa tal-Oppożizzjoni, daqslikieku l-problemi li għandna llum feġġew ilbieraħ flok jammettu li huma dejjem ħallewhom taħt it-tapit.
Fl-aħħar mill-aħħar is-soluzzjoni hija inqas vetturi fit-toroq u biex naslu għal dan il-għan, irid ikollna servizz ta’ trasport pubbliku effiċjenti li jħajjar lin-nies jużawh. Għalhekk, waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern f’dan l-istadju hija li jasal ma’ l-operatur biex ikun jista’ joffri servizz mistħoqq għall-pubbliku.
Other Press Releases:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045