JUM DUN KARM
Ottubru huwa marbut mat-twelid u l-mewt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm. Huwa twieled f’Ħaż-Żebbug fit-18 ta’ Ottubru 1871 u miet fit-13 tal-istess xahar ta’ disgħin sena wara.
Fis-17 ta’ Ottubru li ġej id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u l-Kumitat Festi Nazzjonali se jtellgħu ċerimonja għat-tfal tal-iskejjel li tfakkar lil dan il-poeta kbir Malti. Iċ-ċerimonja se ssir maġenb il-monument tiegħu fil-Furjana.
L-għodwa tibda b’korteo mill-iskola Primarja tal-Furjana fl-10 ta’ filgħodu. Il-korteo jimxi sal-mafkar, u hemmhekk tibda ċ-ċerimonja li jkun fiha qari ta’ poeżiji mill-istudenti u tqegħid ta’ fjuri mal-monument. Se jsiru diskorsi mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, u mid-Direttur Ġenerali għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, is-Sur Ian Mifsud. Il-kantanta Doreen Galea se tkanta xi poeżiji ta’ Dun Karm, bil-mużika oriġinali tal-kompożitur Dominic Galea.
Fl-istess perjodu l-Kumitat Festi Nazzjonali se jkompli jfakkar lill-Poeta Nazzjonali b’ diversi attivitajiet oħra.
Nhar il-Ħamis 23 ta’ Ottubru, 2014 fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard, se ssir serata kommemorattiva fis-7 ta’ filgħaxija organizzata mill-Kumitat Festi Nazzjonali u l-Akkademja tal-Malti. F’din is-serata se jsir diskors tal-okkażjoni mill-poeta Achille Mizzi li se jitkellem dwar il-Poeżija Maltija wara Dun Karm. Il-Prof. Oliver Friggieri se jitkellem dwar is-sinifikat tal-versi tal-Innu Nazzjonali fi żmienna. Fl-istess serata se jieħu sehem ukoll il-kor Għawdxi “Chorus Urbanus” taħt id-direzzjoni ta’ Mro John Galea u jkun hemm qari ta’ poeżiji ta’ Dun Karm
Attività oħra se ssir fis-Sala tal-Ministeru t’Għawdex nhar it-Tnejn 27 ta’ Ottubru fis-7 ta’ filgħaxija bl-inizjattiva tal-Kumitat Festi Nazzjonali b’sinergija mal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali t’Għawdex flimkien mal-Akkademja tal-Malti.
Other Press Releases:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045