IL-GVERN HUWA IMPENJAT LI JBIDDEL IL-ĦSIEB TAN-NIES DWAR L-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART PERMEZZ TA' KAMPANJA EDUKATTIVA - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Meta kien qed jiftaħ konferenza internazzjonali ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea u organizzata mill-kumpanija WasteServ bl-isem ta' Promoting Zero Waste - The Importance of Communication in the Waste Management Sector, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li l-Gvern huwa impenjat li jbiddel il-ħsieb u l-aġir tan-nies dwar l-immaniġġjar tal-iskart permezz ta' kampanja edukattiva li impenja ruħu li jniedi fil-pjan nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-iskart.
Il-Ministru Brincat qal li din il-konferenza ma setgħetx ġiet fi żmien aktar f'waqtu - proprju meta kemm il-Gvern bħala Gvern u l-WasteServ qegħdin jaħdmu fuq għadd ta' inizjattivi konkreti maħsuba biex inaqqsu l-iskart iġġenerat f'pajjiżna indipendentement mit-tkabbir ekonomiku tagħna.
Il-Ministru tenna li meta ninsabu lejliet direttivi ġodda tal-Unjoni Ewropea dwar l-immaniġġjar tal-iskart, irridu nifhmu li l-miri tal-Gvern mhumiex biss xewqat sbieħ iżda obbligi u dmirijiet li għandna nħarsu lejhom bħala opportunitajiet flok bħala theddid għall-pajjiżna.
Huwa qal li kien ta' sodisfazzjon għalih li jara li kemm is-sessjoni plenarja u anki l-workshops tal-konferenza internazzjonali kienu ser jiffukaw fuq diversi aspetti li jolqtu l-qasam tal-iskart fil-laħam il-ħaj.
Mid-demografika tal-pajjiż, it-tnaqqis tal-ħela u l-iskart iġġenerat mill-ikel (food waste), is-separazzjoni tal-iskart fuq livell domestiku kif ukoll il-ħtieġa li ngħallmu u nagħmlu lis-soċjetà aktar konxja dwar dawn ir-responsabbiltajiet.
Huwa tkellem dwar il-kunċett ġdid The Circular Economy li l-Unjoni Ewropea tinsab miexja fid-direzzjoni tiegħu u qal li dan joffri skop għal aktar innovazzjoni, jħaffef ċerti proċessi tranżitorji u bidliet fl-imġieba tagħna, u anki jwassal għall-konsum anqas tal-enerġija u materjal billi joħloq mudelli ġodda ta' negozju filwaqt li jinkoraġixxi aktar tkabbir ekonomiku.
Il-Ministru Brincat saħaq li meta f'nifs wieħed toħloq opportunitajiet ġodda għat-tkabbir ekonomiku, tnaqqas il-konsum u l-ħela, iżżid il-produttività u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tirrendi l-ekonomija f'waħda aktar kompetittiva. Dan għandu jitqies bħala għan nobbli li għandna naħdmu għalih b'impenn.
Huwa stieden lill-ekonomisti u riċerkaturi Maltin biex jiffukaw aktar fuq il-benefiċċji diretti li jista jieħu pajjiżna bil-bidliet li ġġib magħha l-mixja lejn l-hekk imsejħa Circular Economy.
Other Press Releases:
PR262046
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...
PR262045
pr142287a.pdf