GĦOTJA TA’ KOTBA LILL-KULLEĠĠ SANTA MARGERITA
Il-kulleġġ Santa Margerita bbenefika, u ser jibqa’ jibbenefika, minn għotja ta’ kotba kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Dan sar magħruf waqt ċerimonja illi saret fl-Iskola Primarja ta’ Bormla, fejn il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri ppreżenta l-għotja ta’ din s-sena lill-Prinċipal tal-Kulleġġ Maria Mc Namara, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Chris Agius u l-kapijiet tal-Iskejjel Primarji tal-Kulleġġ. Din is-sena l-kotba kienu immirati għall-istudenti tal-Kindergarten, filwaqt li s-sena d-dieħla tkun l-ewwel klassi li tibbenefika minn din l-għotja. Hekk, fi spazju ta’ seba’ snin, l-iskejjel ikollhom kotba għall-etajiet kollha.
Kemm Mark Camilleri u anke Maria Mc Namara, it-tnejn qablu li għalkemm l-użu tat-teknoloġija huwa importanti, xejn ma jieħu post il-ktieb. Huma saħqu li huwa importanti li dawn iż-żewġ għodda jintużaw flimkien.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius aċċenna li huwa fatt li l-kulleġġ Santa Margerita jilqa’ fih studenti bi problemi differenti minn Kulleġġi oħra, madanakollu faħħar lill-kapijiet tal-iskola u lill-għalliema li jagħmlu l-almu tagħhom biex kull student jkollu l-opportunità sabiex jitgħallem. Huwa saħaq dwar l-importanza tal-qari, u qal li għotja bħal din żgur ser tgħin lill-istudenti kemm tal-preżent u anke dawk futuri.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044