L-ISPEAKER ANĠLU FARRUGIA JILTAQA’ MAL-PROFESSUR KEN COGHILL MILL-UNIVERSITÀ TA’ MONASH, L-AWSTRALJA WAQT LI JATTENDI GĦALL-KONFERENZA ANNWALI TAL-COMMONWEALTH PARLIAMENTARY ASSOCIATION LI QED ISSIR FIL-CAMEROON
pr142266
06/10/2014
Nhar is-Sibt, 4 ta’ Ottubru 2014, l-iSpeaker Anġlu Farrugia kellu laqgħa mal-Professur Ken Coghill mill-Università ta’ Monash fl-Awstralja fejn fost l-oħrajn tkellmu dwar il-Kodiċi ta’ Etika tal-Membri Parlamentari.
L-iSpeaker Farrugia spjega lill-Professur Coghill x’tgħid il-Kodiċi ta’ Etika li tirregola lill-Membri Parlamentari Maltin li kienet tħejjiet fl-1995. Huwa infurmah ukoll li ftit tax-xhur ilu kien ġie ppubblikat Abbozz ta’ Liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika, liema abbozz kien diġà jinsab fuq l-aġenda tal-Parlament u li kien hemm il-qbil li sal-aħħar tas-sena dan jiġi diskuss. L-iSpeaker elenka d-differenzi li kien hemm bejn il-Kodiċi eżistenti u dan l-abbozz u qal ukoll li kien għadu kif irċeva rapport maħruġ mill-GRECO u, għalkemm ma setax jiżvela x’kien fih ir-rapport għax kien għadu kunfidenzjali u kien għad irid jiġi diskuss mal-partijiet konċernati, seta’ jgħid li kien fih tifħir għal dan l-abbozz ta’ liġi.
Meta mistoqsi mill-Professur Coghill kif il-Membri Parlamentari ġodda jsiru jafu dak li jirregolahom, l-iSpeaker Farrugia semma d-diversi inizjattivi li bdew jittieħdu f’din il-leġiżlatura proprju għal dan il-għan.
Fl-aħħar tal-laqgħa, l-iSpeaker ippreżenta lill-Professur Coghill kopja tal-Abbozz ta’ Liġi kif ukoll kopja tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Membri Parlamentari .
Intant, il-Commonwealth Parliamentary Association apprezzaw ħafna l-fatt li l-iSpeaker ħareġ stqarrija fejn esprima s-sogħba tal-Parlament Malti għall-mewt tas-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni, Dr. William F. Shija.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044