DISKORS TAS-S.T.O. L-PRIM IMĦALLEF SILVIO CAMILLERI FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAS-SEDUTA TAL-FTUĦ TAS-SENA FORENSI 2014-2015. L-ERBGĦA, L-1 TA’ OTTUBRU, 2014
Eċċellenza Aġent President ta’ Malta
Onorevoli Ministru Risponsabbli mill-Ġustizzja
Sinjuri Presidenti Emeriti
Sinjuri Prim Imħallfin Emeriti u Mħallfin Emeriti
Sur Avukat Ġenerali
Sur President tal-Kamra tal-Avukati
Sinjuri Avukati u Prokuraturi Legali
Sinjuri
Merħba. Merħba lilkom ilkoll għall-ftuħ tradizzjonali ta’ sena forensi ġdida fejn jien, bħala Prim Imħallef nagħti ħarsa qasira lejn is-sena li għaddiet u nħares ‘il quddiem lejn sena ġdida ta’ ħidma fil-qrati.
Insellem minn qalbi lill-Eċċellenza tagħha l-Aġent President Dolores Cristina li għoġobha tonora lill-Ġudikatura bil-preżenza tagħha għal din iċ-ċerimonja minkejja l-iskeda mimlija tagħha. Kif taf huwa dejjem pjaċir tiegħi li naraha u llum ċertament il-pjaċir tiegħi ma jistax jonqos.
Insellem ukoll lill-Onorevoli Ministru Owen Bonnici li wkoll għoġbu jingħaqad magħna llum minkejja d-doveri ferm onerużi u wiesgħa tal-Ministeru tiegħu. Sena ilu fl-okkażżjoni korrispondenti għal dik ta’ llum jien lqajtu bħala Segretarju Parlamentari u faħħart l-entużjażmu u grinta tiegħu. Illum, sena wara, nilqgħu bħala Ministru . Dan juri li jien ma kontx waħdi li stajt napprezza dik il-grinta u entużjażmu tiegħu li għada miegħu anki llum.
Naturalment, ma nistax nonqos milli għal darb’oħra nesprimi s-sodisfazzjon kbir tiegħi għad-diskors meqjus u sobriju tiegħek, Sur President tal-Kamra tal-Avukati; diskors li lili qatt ma jonqos milli jistimulani sabiex nirrifletti fuq l-isfidi li l-ġustizzja u l-Ġudikatura jirrinfaċċjaw ta’ kuljum u li jixprunani sabiex dejjem inżid fl-isforzi tiegħi sabiex inqiegħed il-kariga tiegħi għas-servizz tagħhom, u tal-pubbliku li aħna nservu. Jien infurmat li din hi l-aħħar darba li ser ikolli dan il-pjaċir li nisimgħek tindirizzani fil-ftuħ tas-sena forensi għaliex nifhem li inti ma intix fi ħsiebek tikkandida ruħek mill-ġdid għall-kariga ta’ President tal-Kamra. Ta’ dan jiddispjaċini ferm. Il-ġid li għamilt lill-professjoni legali kemm ilek tokkupa l-kariga ta’ president hu kbir u l-inizjattivi li ttieħdu mill-Kamra fi żmien li inti mexxejtha kienu ħafna, kbar u ta’ fejda kbira għall-professjoni. Il-kariga tiegħek kienet ukoll ta’ siwi kbir sabiex ikun hemm relazzjonijiet tajba u armonjużi bejn il-Ġudikatura u l-professjoni legali biex b’hekk nifhmu dejjem aktar lil xulxin u biex flimkien naqdu dejjem aħjar lill-pubbliku li hu l-mira ewlenija tal-ħidma tagħna.
Grazzi Sur Avukat tas-servizz tiegħek bħala President tal-Kamra tal-Avukati.
Pero`, jien għandi ammirazzjoni kbira lejn il-professjoni legali f’Malta, u lejn id-dedikazzjoni u l-preparazzjoni tal-membri tagħha, u għalhekk jien fiduċjuż, anzi konvint, li min jiġi warajk ikompli fit-triq eċċellenti tiegħek u jgħaraf imexxi lill-Kamra bl-istess għaqal li mexxejtha int.
Uffiċini Ġodda għall-Ġudikatura
Jiena ilni ftit nisħaq fuq il-ħtieġa li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tingħata aktar spazju mhux biss fil-pjanijiet tal-Gvern inklużi dawk tal-Estimi Finanzjarji iżda wkoll sempliċement spazju fiżiku. Ilni nsostni li l-bini preżenti tal-Qorti sar żgħir wisq meta jittieħed qis kif żdied il-volum ta’ kawżi li l-Qrati jridu jipproċessaw, id-diversi tipi ta’ tribunali speċjalizzati li ġew imwaqqfa matul iż-żmien, in-numru ta’ nies li jkun jeħtieġ li jidhru quddiem id-diversi qrati, iż-żieda fin-numru ta’ ġudikanti, kemm Imħallfin, Maġistrati, u aġġudikaturi oħra u ż-żieda fl-istaff u riżorsi oħra li dan iġib miegħu. Dawn kollha jeħtieġu l-ispazju tagħhom.
Kien pjaċir kbir tiegħi, għalhekk, li f’dawn l-aħħar ġimgħat seħħet iċ-ċaqlieqa tas-sigrieti tal-Imħallfin mill-bini prinċipali tal-Qorti għal binja oħra viċina li akkomodat kważi lill-Imħallfin kollha u lill-istaff awżiljarju tagħhom. It-tendenza kienet li kull meta jiżdiedu l-ġudikanti, l-Amministrazzjoni tal-Qrati kienet tiġi rinfaċċjata bi problema kbira sabiex issib kmamar li jservu ta’ uffiċini għall-ġudikanti u għall-istaff tagħhom. Minħabba nuqqas ta’ spazju, li kien jiġri kien li ħafna drabi kien ikun hemm il-ħtieġa li tinsteraq biċċa minn xi sigrieta jew uffiċċju ieħor sabiex jagħmel wisa’ għall-ġudikant u staff ġdid. Dan naturalment kien ifisser li l-ispazju kien qiegħed dejjem jonqos għal kulħadd b’ċerti spazji jkunu kważi klawstrofobiċi. Issa l-Imħallfin għandhom spazji akbar, aktar imdawla u attrezzati. Dan japplika wkoll għall-istaff tagħhom li ma għandna qatt ninsewhom għaliex huma wkoll għandhom dritt għall-ispazju tagħhom u wkoll għal xi ftit privatezza anki waqt il-ħin tax-xogħol.
Din iċ-ċaċlieqa kellha effett doppju għaliex b’hekk inħoloq ukoll aktar spazju fil-bini prinċipali u għalhekk wieħed għandu jaħseb li dan jista’ jġib ukoll disponibilita` ta’ aktar spazju għall-Maġistrati u l-istaff tagħhom kif ukoll għal xi żieda fl-Awli.
Naturalment għad hemm xi ħwejjeġ żgħar li għad iridu jiġu indirizzati iżda bi ftit buona volonta` u disponibilita` minn kull naħa, jien fiduċjuż li dan isir. Irrid nirringrazzja għal dan l-isforz qawwi li sar, mhux biss lill-Ministru, iżda wkoll lill-Amministrazzjoni kollha tal-Qorti, mill-kbir saż-żgħir, lid-Direttur Ġenerali s-sur Frankie Mercieca u lill-Assistenti tiegħu, kif ukoll lid-deputati reġistraturi, skrivani, messaġġiera, marixalli, u oħrajn li lkoll flimkien b’ħafna sabar u taħbit irnexxielhom iwettqu din iċ-ċaqlieqa fi żmien qasir.
B’danakollu ninsab imħasseb li din il-mossa ma tkunx biżżejjed sabiex tilħaq l-esiġenzi li għad iridu jinqalgħu fi żmien mhux wisq ‘il bogħod speċjalment jekk irridu noħolqu spazju biżżejjed għal Awli u Mħallfin biżżejjed sabiex nilħqu l-livell ta’ numru ta’ ġudikanti li ras għal ras tal-popolazzjoni jikkompara ma’ dak li jeżisti fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Tajjeb li jsir konfront bejn ir-rendiment tal-Ġudikatura ta’ Malta ma’ dak ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa, iżda dan jista’ jsir b’mod ġust meta l-affarijiet ikunu ugwali, fosthom in-numru ta’ ġudikanti jkun ukoll jikkompara man-numru ta’ ġudikanti f’dawk il-pajjiżi li magħhom isir il-konfront, li nafu ma hux il-każ.
Il-Pro ċess tar-Riforma
Matul l-2012 thejjew ir-rapporti tal-Kummissjoni għar-Riforma Ħolistika tal-Ġustizzja u ż-żewġ rapport li saru mill-Ġudikatura li fihom ingħataw ir-reazzjonijiet tal-Ġudikatura għal dawk ir-rapporti u saru proposti alternattivi għal dawk tal-Kummissjoni.
Is-sena li għaddiet bdiet l-implimentazzjoni tar-riformi suġġeriti prinċipalment fil-qasam penali u saru diversi emendi fil-liġijiet relattivi li jservu sabiex iħaffu l-proċeduri. Dan hu pożittiv għalkemm uħud mill-emendi għadhom ma daħlux fis-seħħ u wħud jistgħu jkunu problematiċi.
Hekk daħlu dispożizzjonijiet li jippermettu li ċerti komunikazzjonijiet previsti mil-liġi jsiru permezz ta’ posta elettronika, proċedura ta’ l-hekk imsejħa agreed sentence ġiet estiża wkoll għall-Qorti tal-Maġistrati bħala qorti ta’ ġudikatura kriminali u saru wkoll emendi li jippermettu proċedura mħeffa meta fil-kors ta’ istruttorja l-persuna imputata tammetti imputazzjoni li trid tiġi ġudikata fuq att ta’ akkuża. Ġie previst ukoll il-possibilita` ta’ proċess fl-assenza tal-persuna akkużata taħt ċerti kundizzjonijiet. Għalkemm din hi limitata għall-proċeduri sommarji quddiem il-Qorti tal-Maġistrati din il-miżura tista’ tqajjem xi ftit ta’ diskussjoni.
Inoltre, jidher li bħal speċi ta’ proġett pilota saru wkoll regolamenti intiżi biex iħaffu n-notifika tal-atti fil-kors ta’ proċeduri kriminali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala qorti ta’ ġudikatura kriminali iżda l-applikabilita` ta’ dawn ir-regolamenti ġiet limitata għal awla kriminali partikolari. Din tista’ tkun mossa mhux solita iżda jista’ jkollha l-vantaġġi tagħha għaliex l-effetti tal-mekkaniżmu ġdid ta’ notifika jkunu jistgħu jiġu mkejla qabel ma l-mekkaniżmu jiġi estiż għall- oqsma oħra penali. B’danakollu fil-fehma tiegħi hemm il-ħtieġa ta’ riflessjoni akbar dwar jekk din il-proċedura ta’ notifika mħeffa hijiex għal kollox desiderabbli fil-każ ta’ reati li għalihom il-liġi tipprevedi sanzjoni ta’ privazzjoni mill-liberta` jew jekk hemmx ħtieġa ta’ kawteli akbar f’każijiet bħal dawn.
Irid jissemma wkoll, iżda, li fl-istess emendi għall-Kodiċi Kriminali l-liġi toħloq numru ta’ reati ġodda. L-emendi jaħsbu wkoll għal appelli mill-Avukat Ġenerali minn sentenzi ta’ liberatorja f’każijiet ta’ irregolaritajiet proċedurali jew interpretazzjoni jew applikazzjoni żbaljata tal-liġi li jkollhom impatt fuq il-verdett. Barra minn hekk ġiet estiża extra-territorjalment il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kompetenza kriminali fuq ċerti reati. Dan neċessarjament jagħti lok għal prosekuzzjonijiet ġodda u għal appelli ġodda u għalhekk għal żieda fix-xogħol tal-qrati.
Jiena diġa` kelli okkażżjoni nsemmi li meta jsiru liġijiet bħal dawn li inevitabilment jiġġeneraw żieda fil-kawżi li jaslu quddiem il-qrati huwa importanti li jsir studju tal-impatt possibbli fuq il-volum tax-xogħol tal-qrati sabiex wieħed jaħseb minn qabel għar-riżorsi umani u materjali sabiex jilqgħu għal dik iż-żieda u mhux nistennew li s-sitwazzjoni ssir kritika qabel jittieħdu l-miżuri neċessarji. Tali eżami ma jirriżultalix li sar.
Nista’ nsemmi żewġ liġijiet oħra, waħda għadha abbozz waqt li l-oħra diġa` saret liġi, li wkoll ċertament ser jinċidu fuq il-volum ta’ xogħol tal-qrati. Il-liġi li diġa` għaddiet hija l-Att XXXIII tal-2014. Inċidentalment dan għadda f’Lulju 2014 u ġie ppubblikat f’Awissu. Mhux l-aħjar żmien biex jiġi nnutat. L-Att huwa wieħed qasir ferm; kull ma fih huma erba’ klawsoli. Iżda l-Att jipprovdi għal possibilita` ta’ reviżjoni ta’ care orders u sabiex l-istess rikorsi jiġu appuntati u deċiżi mill-Qorti tal-Minorenni fi żminijiet ferm qosra. Dan ċertament ser iżid il-volum u l-pressjoni ta’ xogħol fuq dik il-Qorti li trid ukoll tisimgħu u tiddeċidih fi żmien qasir u dan b’żieda mal-volum diġa` konsiderevoli li għandha. Dan ser ukoll jagħmilha ferm diffiċli għall-qorti li tkun tista’ tippjana x-xogħol tagħha.
Il-liġi l-oħra li għadha maħsuba, huwa l-abbozz 45 tal-2014, intiż biex jirrimpjazza l-Att dwar Tfal u Żgħażagħ (Ordnijiet għall-Ħarsien). F’dan l-Att hi maħsuba proċedura sħiħa ġdida li indubbjament ser iżżid il-volum ta’ xogħol quddiem il-Qorti tal-Familja, li diġa` hi mgħobbija b’xogħol konsiderevoli u sensittiv, u ser iżżid ukoll sostanzjalment ix-xogħol tal-Qorti tal-Appell sede inferjuri. Barra minn dan, l-abbozz jimponi termini qosra ferm għad-diversi stadji tal-proċediment f’kull stadju tiegħu, għal reviżjoni fi żminijiet qosra tal-ordnijiet li jsiru, kif ukoll għal termini qosra għall-appuntament u deċiżjoni tal-proċeduri. Għal darb’oħra, meta jittieħed qis tal-volum ta’ xogħol li diġa` għandhom il-Qrati tal-Familja u tal-Appell sede inferjuri dawn it-termini ser jagħmlu ferm u ferm diffiċli, biex ma ngħidx impossibbli, l-ippjanar tax-xogħol tagħhom u jekk ma jkunx hemm żieda fin-numru tal-Imħallfin li jkunu jistgħu jippresjedu fil-Qorti tal-Familja u fil-Qorti tal-Appell sede inferjuri ma narax kif dawn ser ikunu jistgħu ilaħħqu max-xogħol ġdid fiż-żmien stabbilit mingħajr ma jsofri konsiderevolment ix-xogħol sensittiv l-ieħor li diġa` għandhom.
Għalhekk nerġa’ nisħaq fuq il-ħtieġa li meta tiġi maħsuba xi liġi għandu fl-istess ħin isir eżami taż-żieda tal-volum ta’ xogħol fil-qrati li dik il-liġi ser tiġġenera sabiex qabel tasal biex titħaddem dik il-liġi, u mhux meta s-sitwazzjoni tiżviluppa fi kriżi, jkunu diġa` tqiegħdu f’posthom l-istrutturi u r-riżorsi umani u materjali neċessarja sabiex ix-xogħol ġdid ikun jista’ jiġi pproċessat effiċjentement. B’hekk naħsbu minn qabel biex jiġi evitat id-dewmien u l-akkumulu ta’ xogħol lura u mhux nibdew niċċaqalqu biss meta s-sitwazzjoni ssir waħda kritika u kulħadd jibda jilmenta mill-backlog u mid-dewmien bil-qrati, naturalment, l-ewwel li jkunu fil-mira ta’ kulħadd.
Taħriġ tal-Ġudikatura
Sabiex il-Ġudikatura tkun tista’ żżomm lilha nfisha aġġornata ma’ żviluppi legali bħal dawk li għadni kemm semmejt, programmi ta’ taħriġ jiġu regolarment organizzati għalihom b’kollaborazzjoni mal-Kumitat għal Studji Ġudizzjarji. Sa llum l-attendenza għal dawn is-seminars kienet dejjem fuq bażi volontarja u minkejja dan il-membri tal-ġudikatura dejjem attendew numerużi.
Fuq xewqa tiegħi f’dawn l-aħħar snin, sabiex din l-attendenza tkun faċilitata mingħajr ma jiġu kaġunati differimenti ta’ seduti sħaħ ta’ kawżi appuntati, dan it-taħriġ qiegħed jiġi programmat tal-anqas b’sena bil-quddiem fuq ġurnata tal-Ġimgħa lejn l-aħħar tax-xahar biex il-ġudikanti jkunu jistgħu jantiċipaw il-ġranet ta’ taħriġ sabiex fihom ma jappuntawx seduti. B’dan il-mod kważi l-ġudikanti kollha, salv raġunijiet ta’ saħħa jew safar fuq xogħol ġudizzjarju, qegħdin jattendu bi ħġarhom għal dawn is-seminars fuq suġġetti varji ta’ interess għalihom.
Di fatti, ftit ġranet ilu, sar seminar ta’ ġurnata li fil-parti ta’ filgħodu ġew indirizzati l-emendi li saru matul din is-sena f’diversi liġijiet ta’ natura penali bl-intervent tal-Avukat Ġenerali u tad-Deputat Avukat Ġenerali waqt li wara nofsinhar ġew indirizzati l-emendi reċenti fl-Att Dwar is-Saħħa Mentali bl-intervent tal-Kummissarju nnifsu mwaqqaf taħt l-Att u ta’ Uffiċjal Legali fl-uffiċċju tiegħu. Kien seminar li ġġenera interess kbir u diskussjoni mqanqla bejn il-parteċipanti u l-persuni li ndirizzaw is-seminar.
Dan hu biss eżempju ta’ attivita` intensiva li fiha jkunu impenjati l-membri tal-ġudikatura f’ġurnata meta fil-qorti jkun jidher li ma jkun qiegħed isir xejn. Bħal din l-attivita` matul is-sena li għaddiet sar seminar organizzat mic-Ċentru ta’ Medjazzjoni flimkien mal-Kumitat għal Studji Ġudizzjarji dwar id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Medjazzjoni, sar ieħor dwar ġurisprudenza riċenti tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, u saru oħrajn fuq materji etiċi, fuq ir-regolament tal-Unjoni Ewropea dwar suċċessjonijiet b’element trans-fruntier, fuq għodda għall-immaniġġjar tal-ħin ġudizzjarju f’kollaborazzjoni mal-European Commission for the Efficiency of Justice (CEPEJ), waqt li aktar tard f’dan ix-xahar hemm skedat seminar ieħor dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u għodda oħra ta’ assistenza reċiproka f’materja kriminali u dan flimkien mal-Ecole Nationale de la Magistrature ta’ Pariġi. Dawn it-tip ta’ seminars qegħdin isiru regolarment u l-attendenza għalihom dejjem tiżdied. Għalhekk wieħed ma għandux imur imqarraq li għaliex ma jara xejn jiġri allura ma jkun qiegħed jiġri xejn, bħallikieku dak li jsir wara l-kantuniera ma jeżistix. Għaliex Imħallef jew Maġistrat ma jkunx jidher iżomm seduta ma jfissirx li ma jkunx qiegħed xorta fuq id-doveri tiegħu.
Naħseb urejt li diġa` qiegħed isir ħafna bil-ftit fondi disponibbli għal taħriġ tal-ġudikatura iżda kif tajjeb osservajt int, Sur Avukat, b’aktar fondi jkun jista’ jsir ferm iżjed u naħseb l-għan li għalihom jintużaw fondi bħal dawn huwa wieħed vitali sabiex ikun hemm amministrazzjoni dejjem aħjar tal-ġustizzja.
Il-Media
Nixtieq hawnhekk ngħid xi ħaġa dwar il-Media. Ma hemmx dubju li l-istampa libera hi element fundamentali f’soċjeta` demokratika u għandha rwol importanti anki fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja għaliex il-pubbliċita` hija wieħed mill-elementi bażiċi intiż sabiex jassigura proċess ġudizzjarju xieraq u ċertament l-istampa hi fl-aħjar pożizzjoni sabiex tagħti l-kontribut tagħha u tikko-opera mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’dan il-qasam. Min-naħa l-oħra element ieħor essenzjali u indubitat li jassigura proċess xieraq huwa dak tal-indipendenza u imparzjalita` tal-Ġudikatura Di fatti waħda mir-restrizzjonijiet leġittimi fuq il-liberta` tal-istampa rikonoxxuta fil-qasam tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem hija dik intiża sabiex tiġi preservata l-awtorita` u l-imparzjalita` tal-Ġudikatura. L-esiġenzi ta’ proċess xieraq u d-dritt u dover tal-istampa li xxerred l-informazzjoni fuq dak kollu li hu ta’ interess pubbliku jiġġenera neċessarjament element ta’ tensjoni bejn l-istampa u l-qrati. Jien nemmen, iżda, li kemm il-qrati kemm l-istampa għandhom il-funzjoni li jservu l-interess pubbliku kull waħda minnhom skont ir-rwol proprju tagħha fil-komunita`.
Fi żmien riċenti, iżda, ċertu rapportaġġ tal-istampa kien ta’ tħassib kbir għalija. Sa xi żmien ilu kienet teżisti konvenzjoni kważi assoluta li l-istampa ma tikkumenta xejn fuq każijiet pendenti taħt piena ta’ disprezz lejn l-awtorita` tal-qorti: il-famuża regola dwar sub iudice. Illum din ir-regola tilfet l-inflessibilita` tagħha anki għaliex il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet li, tal-anqas f’kawżi ta’ natura ċivili, l-istampa ma hix prekluża, f’ċerti ċirkustanżi, milli tikkumenta fuq kawżi, anki pendenti, fejn ikun hemm element qawwi ta’ interess pubbliku.
F’dawn l-aħħar żminijiet, iżda, kien hemm żvilupp ieħor. Rajna lill-istampa f’aktar minn każ wieħed addirittura timpenja ruħha f’kampanji preċiżi intiżi kjarament sabiex jippressaw għal riżultat preċiż fi proċeduri penali pendenti. Kampanji kjarament maħsuba sabiex jagħmlu pressjoni sabiex il-proċess ġudizzjarju jilħaq verdett partikolari. Jien hawnhekk nistieden lill-istampa biex jikkunsidraw jekk meta jagħmlu dan ikunux verament qegħdin jaqdu l-interess pubbliku li għandu jkun il-miżura li bih titkejjel il-leġittimita` tal-għemil tagħhom. F’sitwazzjoni bħal din jekk il-Qrati joħorġu b’verdett li jikkorrispondi ma’ dak li tkun tippretendi l-istampa tinħoloq l-impressjoni li l-Qrati jkunu ċedew għall-pressjoni tal-Istampa. Min-naħa l-oħra, jekk il-Qrati jaslu għal verdett li ma jikkorrispondix ma’ dak pretiż mill-istampa jsiru akkużi, kif bl-aktar mod diffamanti saru minn ċerti nħawi, li l-Qorti ddeċidiet kif iddeċidiet biex bħal speċi tpattiha lill-istampa jew sabiex tidher li ma ċedietx għall-istampa. Kemm fl-ewwel kemm fit-tieni kaz l-awtorita` u l-imparzjalita` tal-Qrati tiġi mminata u mtappna u l-fiduċja tal-pubbliku fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja togħdos ‘l isfel. F’sitwazzjoni bħal din l-amministrazzjoni tal-ġustizzja titlef dejjem u titlef bil-kbir ukoll il-komunita` in ġenerali għaliex ma tistax issirilha ħsara akbar milli tiġġarraf il-fiduċja tagħha fil-Ġustizzja. Jien nistieden lil min hu responsabbli fil-qasam tal-Istampa Libera sabiex jeżamina jekk dan hux desiderabbli u jistaqsi lilu nnifsu jekk dan iservix l-interess pubbliku.
Naturalment il-membri tal-Ġudikatura ma humiex eżenti mill-kritika u ma rridx bl-iċken mod niskoraġġixxi kritika sobrija, oġġettiva u kostruttiva. Anzi, jista’ jkun li kont jien stess li fl-ewwel indirizz tiegħi fil-ftuħ tas-sena forensi kkontribwejt sabiex nistieden li l-focus tal-iskrutinju jdur minn fuq id-difetti tas-sistema tal-ġustizzja u minn fuq in-nuqqasijiet ta’ natura amministrattiva għal fuq in-nuqqasijiet tagħna bħala membri tal-ġudikatura u tal-operaturi kollha fil-qasam tal-ġustizzja. U ma jiddispjaċinix, għaliex hekk għandu jkun; għaliex jekk il-Ġudikatura ma tkunx taħt skrutinju kontinwu l-prestazzjoni tagħha ttendi li tonqos u ma tfittixx li titjieb u li ssaħħaħ l-isforzi tagħha sabiex tagħmel aħjar. Iżda dak li jkun irid ukoll iżomm l-ekwilibriju u jkun realistiku u ma jfittix li jaddossa fuq il-Ġudikatura n-nuqqasijiet kollha tas-sistema tal-ġustizzja li ilha s-snin twal issofri min-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji, umani u materjali u li d-defiċjenzi li minnhom tbati llum ilhom jakkumulaw għal diversi raġunijet fil-kors ta’ snin twal.
Kien hemm aspetti oħra li xtaqt nindirizza iżda l-ħin ma jippermettix u għalhekk nagħlaq hawn.
Nirringrazzjakom minn qalbi tal-attendenza tagħkom. Insellmilkom
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044