IL-MINISTRU CHRIS CARDONA JNIEDI L-EWWEL VALLETTA SHOPPING FESTIVAL ORGANIZZAT MIR-REPUBLIC STREET BUSINESS COMMUNITY ASSOCIATION
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tat-tnedija tal-ewwel Valletta Shopping Festival, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona faħħar lill-organizzaturi ta’ din l-inizjattiva, ir-Republic Street Business Community Association (RSBCA), u qal li inizjattivi bħal din jgħinu biex ikomplu jippromovu lill-Belt kapitali bħala ċentru ta’ kummerċ, kultura u divertiment.
Il-Ministru Cardona qal li permezz ta’ xogħol u determinazzjoni, u bl-għajnuna ta’ inizjattivi bħal dik imnedija llum, il-Belt Valletta qegħda terġa’ takkwista l-popolarità li kienet tgawdi fil-passat.
“Ir-riżultati għall-2013 juru li l-Belt Valletta reġgħet saret id-destinazzjoni preferita għall-konsumaturi Maltin matul iż-żmien tal-Milied. Fil-perjodu tal-Milied 2013 kien hemm żieda ta’ 15 fil-mija, fuq is-sena preċedenti, ta’ xerrejja li żaru l-ħwienet tal-Belt” qal il-Ministru Cardona.
Il-Ministru Cardona tkellem dwar numru ta’ inizjattivi li l-gvern beda jaħdem fuqhom sa mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, bil-mira li jgħinu lin-negozji Maltin ikomplu jissaħħu u biex, fi żminijiet li qegħdin jinbidlu, f’suq li d-domanda tiegħu dejjem tvarja u l-aspettativi dejjem jogħlew, in-negozji jkunu kapaċi jaddattaw ruħhom u jiffaċjaw l-isfidi li jkollhom quddiemhom.
“Il-Gvern huwa konxju ta’ dawn l-isfidi u determinat li jkompli jgħin u jagħti s-sapport tiegħu.” tenna l-Ministru Cardona. Bħala eżempju attwali ta’ dawn l-isfidi, il-Ministru Cardona semma’ l-kummerċ elettroniku u qal li l-Gvern mhux biss impenjat li jara kif tista’ tkun megħluba din l-isfida, imma huwa determinat li jassisti lin-negozji jdawru din l-isfida f’opportunità.
Il-Ministru Cardona ħabbar kif fi ftit jiem oħra se tiġi mnedija inizjattiva, bl-involviment tal-privat, fejn se jkun offrut taħriġ bla ħlas lis-sidien tan-negozji, partikolarment dawk li għandhom nuqqas ta’ għarfien, dwar l-uzu tal-ICT fil-ġestiment tan-negozju tagħhom.
“Sidien b’ħiliet adegwati fl-ICT mhux biss jistgħu jiffaċilitaw u jissimplifikaw l-operat imma wkoll ma jitilfux l-opportunitajiet li qed jiżviluppaw” saħaq il-Ministru Cardona.
Il-Ministru Cardona għalaq billi tkellem fuq l-irwol importanti li għandhom in-negozji tradizzjonali fis-soċjetà u fl-ekonomija ta’ Malta u qal li huwa għalhekk li fid-dawl ta’ dan irridu wkoll inkomplu naħdmu biex ngħinu u niffaċilitaw in-negozju f’dan is-settur. “Huwa għalhekk li permezz ta’ riformi fil-liġijiet attwali se nkunu qegħdin inwettqu t-tibdiliet meħtieġa biex is-sidien tal-ħwienet jingħataw iktar diskrezzjoni fil-mod ta’ kif għandhom jiġġestixxu n-negozju tagħhom u biex b’hekk ikunu jistgħu isiru aktar kompetitivi.” qal il-Ministru Cardona. Huwa rrefera għar-riforma tal-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet li bħalissa qegħda fil-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika li ġiet imnedija ftit tal-ġranet ilu u li ser tibqa miftuħa sal 24 ta’ Ottubru.
Dr Cardona kkonkluda billi awgura lil RSBCA, fil-waqt li ħeġġiġhom biex ikomplu jorganizzaw attivitajiet li jwasslu għat-tkabbir u t-tisħiħ tan-negozji fil-Belt Valletta.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044