Left arrow Go Back

ILLUM TIBDA IL-KAMPANJA MOVE WEEK: KAMPANJA INTERNAZZJONALI FAVUR L-ATTIVITA’ FIŻIKA

pr142196
Date Icon 29/09/2014

Illum bdiet il-kampanja Move Week li se tibqa għaddejja sa nhar il-Ħadd, 5 ta’ Ottubru 2014 b’attivitajiet mifruxa madwar Malta kollha bl-akbar enfasi tkun fuq il-Belt Valletta grazzi għas-sapport tal-Fondazzjoni Valletta 2018 li se tissieħeb mal-Kunsill Malti għall-Isport għall-kampanja ta’ Move Week.  L-organizzaturi qegħdin jistennew mal-15,000 parteċipant, aktar mid-doppju taċ-ċifra milħuqa s-sena l-oħra.  Il-programm għal din is-sena huwa mmirat li jolqot għadd akbar ta’ nies ta’ kull eta’.

Il-Kampanja Move Week nibtet minn inizjattiva  tal-Unjoni Ewropeja u hija parti integrali tal-kampanja Now We Move.  Il-miri prinċipali huma li sas-sena 2020 mitt miljun persuna aktar madwar l-Ewropa jkunu qed jagħmlu xi forma ta’ eżerċizzju jew attivita’ fiżika biex b’hekk tiġi miġġielda l-problema tal- obesita’ u l-inattivita’ filwaqt li tagħti opportunita’ lil kull persuna li ssib dik l-attivita’  li tgħodd għaliha u li tibqa’ tippratikaha matul is-snin.

L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Isport u l-Kultura (ISCA) li hija l-assoċjazzjoni responsabbli mill-organizzazjoni ta’ din il-kampanja fuq skala Ewropeja, għat-tieni sena konsekuttiva fdat f’idejn il-Kunsill Malti għall–Isport l-organizzazjoni ta’ din il-ġimgħa f’Malta.  Matul din il-ġimgħa eluf ta’ attivitajiet se jkunu qegħdin jiġu organizzati  madwar l-Ewropa kollha.  L-attivitajiet huma mfassla b’tali mod li jilħqu l-livell u l-gosti ta’ kulħadd biex b’hekk aktar nies jipparteċipaw.

 Is-suċċess ta’ attivita’ massiva bħal din tkun biss possibli permezz ta’ Move Agents. Ir-rwol ta’ Move Agent huwa li jikkreja u jikkordina attivita’ li permezz tagħha, numru kbir ta’ nies ikunu qed jagħmlu xi forma ta’ attivita’ fiżika matul Move Week. Filfatt il-Kunsill Malti ħadem fuq programm li jelenka l-attivitajiet  li se jsiru fid-diversi lokalitajiet, assoċjazzjonijiet u klabbs filwaqt li jipprovdi informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jipparteċipa fihom. 

Fost l-attivitajiet li ser ikunu qed jolqtu l-iktar ammont kbir ta’ nies u li fihom se jkunu qegħdin jinġabru fondi għal diversi għaqdiet filantropiċi nsibu Ċama Ċama Superjump, Walk the Towers u l-Mass Dance.  Għaċ-Ċama Ċama Super Jump li se ssir nhar is-Sibt 4 ta’ Ottubru numru ta’ parteċipanti ser ikunu qed jaqbżu l-baħar lebsin kostum ikkulurit.  Fil-Walk the Towers, numru ta’ parteċipanti ser ikunu qed jimxu madwar Malta, mixja li ser tinqasam fuq tlett ijiem bejn nhar il-Ġimgħa u il-Ħadd li ġej u li ser tkun qed tieħu lill-parteċipanti mixja madwar Malta fuq rotta li fiha jinsabu t-torrijiet ta’ De Redin.  Bħala parti mill-attivitajiet tal-għeluq ta’ Move Week ser issir il-Mass Dance fejn għadd sabiħ ta’ Zumba instructors ser ikunu qed  itellgħu programm ta’ żfin għall-parteċipanti kollha.  Din se tkun nhar il-Ħadd li ġej fis-7pm fil- Bajja ta’ Birżebbuġa.  Minbarra dawn l-attivitajiet tal-massa ser ikunu qed jittellgħu bosta attivitajiet oħra fosthom logħob tradizzjonali għat-tfal fil-ġnien ta’ Hastings, użu tar-roti mat-toroq tal-Belt, dimostrazzjoni tal-logħba l-ġdida Speedminton, kif ukoll attivitajiet avventurużi bħall-zip lining u abseiling fil-Forti Sant’ Iermu  bħala parti mill-attivitajiet tan-Notte Bianca.  Attivita’ li żgur se tinżel tajjeb hija lejl ta’ żfin fid-diversi pjazzez tal-Belt li se jvarja minn Tango, għall-Salsa kif ukoll Line Dancing. Hawnhekk il-pubbliku ġenerali se jkun qiegħed jingħata l-opportunita’ li jipparteċipa u jitgħallem dan l-istil ta’ żfin.   Is-Sibt 4 u l-Ħadd 5 ta’ Ottubru ser ikun hemm ukoll sessjonijiet ta’ kayaking fix-xatt tal-Belt.

Attivitajiet oħrajn se jsiru f’diversi lokalitajiet madwar Malta fosthom fi Smartcity u f’Birżebbuġa fejn ser ikun qed isir l-għeluq uffiċjali tal-kampanja.  Programm sħiħ u dettaljat jinstab fil-paġna uffiċjali ta’ Facebook ‘Move Malta’.

Sabiex jintlaħaq l-għan tal-kampanja Now We Move il-Kunsill Malti Għall-Isport qed jistieden lilkom, biex tingħaqdu mal-bqija taċ-ċittatadini Ewropej biex intom ukoll tipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ Move Week u ssibu dik l-attivita’ li żżommkom attiv.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

More Press Releases Right arrow