Left arrow Go Back

FTEHIM MAL-GAMBJA DWAR IR-RIPATRIJAZZJONI TAL- IMMIGRANTI

pr142140
Date Icon 24/09/2014

Fi New York l-Istati Uniti, fejn qed titlaqqa d-disgħa u sittin sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta ffirmat ftehim li se jiftaħ it-triq biex aktar immigranti jiġu ripatrijati lejn pajjiżhom.

Waqt laqgħa bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Gambja għall-Affarijiet Barranin Bala Garba Jahumpa, iż-żewġ naħat ikkonkludew ftehim ta’ koperazzjoni li permezz tiegħu pajjiżna se jkollu l-fakultà li jibgħat lura lejn il-Gambja, b’ħarsien sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, numru ta’ immigranti li daħlu Malta b’mod illegali. F’Malta bħalissa hawn madwar 80 persuna mill-Gambja li ma ngħatawx status ta’ ażil. 

Dan il-ftehim, li ġie iffirmat bejn il-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin George W. Vella u l-Ministru tal-Gambja għall-Affarijiet Barranin Bala Garba Jahumpa, jsegwi ieħor simili ffirmat man-Niġerja f’April ta’ din is-sena waqt summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika fi Brussels dwar 155 persuna ta’ nazzjonalita Niġerjana li daħlu f’Malta u ma ngħatawx status ta’ ażil. 

Intant, fi New York, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jiffoka l-laqgħat bilaterali tiegħu b’mod partikolari fuq il-pajjiżi tal-Commonwealth u l-pajjiżi Afrikani, b’antiċipazzjoni għas-summit tal-Commonwealth li se jitlaqqa f’pajjiżna s-sena d-dieħla. 

Waħda minn dawn il-laqgħat kienet ma’ John Dramani Mahama, il-President tal-Ghana, pajjiż li ftit tas-snin ilu sab il-gass u llum huwa wieħed mill-aktar pajjiżi żviluppati fl-Afrika. Iż-żewġ naħat qablu li hemm lok ta’ sinerġija bejn Malta, li tista tkun hub ta’ enerġija fil-Mediterran, u l-Ghana, li trid issir hub ta’ enerġija fl-Afrika tal-Punent. 

Din il-laqgħa, li kienet it-tieni waħda bejn il-Prim Ministru Malti u l-President tal-Ghana f’temp ta’ sena, issegwi deċiżjoni tal-pajjiż Afrikan li jiftaħ ambaxxata f’Malta biex iż-żewġ pajjiżi jesploraw aktar modi ta’ kif se jaħdmu flimkien.

Għas-summit tal-Commonwealth, Malta qed tħejji messaġġ b’saħħtu li l-kunċett tal-aqwa fl-Ewropa m’huwiex biss ambizzjoni tal-poplu tagħna iżda jista jagħti wkoll tama għal ħaddieħor. Se tkun vokazzjoni li tħares lejn kif pajjiżi oħra jistgħu jiżviluppaw u jilħqu l-miri tagħhom. B’hekk, ikun hemm inqas pressjoni fit-tul sabiex nies minn dawn il-pajjiżi jimmigraw b’mod illegali lejn pajjiżi Ewropej. Ta’ Malta se jkun kontribut ċkejken ħafna imma li jibgħatat sinjal qawwi.  

Dan il-messaġġ ġie milqugħ ukoll b’mod pożittiv mill-President tal-Kenja Uhuru Kenyatta li, waqt laqgħa separata mal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar is-summit tal-Commonwealth is-sena d-dieħla, iddiskuta wkoll il-possibilitajiet ta’ joint ventures bil-għan li tkun konsolidata u msaħħa r-rabta tan-negozju bejn iż-żewġ pajjiżi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

More Press Releases Right arrow