IL-MINISTRU LEO BRINCAT F’LAQGĦA MAL-AMBAXXATUR ŻVEDIŻ GĦAL MALTA: DISKUSSI L-PROSPETTI TA’ KOLLABORAZZJONI TEKNIKA MAL-IŻVEZJA FIT-TISĦIĦ TAR-RIĊIKLAR TAL-ISKART
F’laqgħa li kellu dalgħodu mal-Ambaxxatur tal-Iżvezja għal-Malta, Lars-Hjalmar Wide, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat iddiskuta l-prospetti ta’ kollaborazzjoni teknika mal-Iżvezja fit-tisħiħ tar-riċiklar tal-iskart kemm biex jittejjeb il-livell milħuq minn gżiritna sa issa - tul is-snin - kif ukoll fid-dawl tas-suċċess kbir li l-Iżvezja rnexxielha tikseb f’dan il-qasam.
Il-Ministru ġie aġġornat dwar kif bħalissa l-Iżvezja qiegħda wkoll timporta kwantitajiet kbar ta’ skart min pajjiż Ewropej inklużi dawk tan-Nofsinhar tal-Ewropa.
Dawn it-taħdidiet saru fil-kuntest tal-pjan nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-iskart ta’ pajjiżna, li kien ġie approvat mill-Gvern aktar kmieni din is-sena.
Il-Ministru Brincat iddiskuta wkoll mal-Ambaxxatur Żvediż il-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija 2030 tal-Unjoni Ewropea li mistenni jiġi diskuss f’laqgħa ministerjali li se jattendi għaliha f’Milan fil-bidu tax-xahar id-dieħel. Huwa aġġornah dwar il-ħidma tal-Gvern Malti fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea fuq dan is-suġġett kif ukoll dwar il-liġi fuq it-Tibdil tal-Klima li għandu jitressaq quddiem il-Parlament fil-ġejjieni qrib wara li ssir konsultazzjoni xierqa.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044