INIZJATTIVA BIEX L-ANZJANI JATTENDU KUNĊERT F’GĦAWDEX
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Dr Justyne Caruana ħabbret inizjattiva ġdida għat-twettiq tal-istrateġija tal-Anzjanita Attivà. Dr Justyne Caruana qalet li dan il-Gvern huwa kommess li jimplimenta u jwettaq l-istrategija tal-anzjanità attiva, u dan b’diversi modi.
Peress li Ottubru huwa x-xahar li fih infakkru l-Jum Internazzjonali għall-Anzjani li jaħbat fl-1 ta’ Ottubru, is-Segretarjat Parlamentari ħass li għandhu jieħu diversi inizjattivi b’risq l-anzjani. Ix-xahar ta’ Ottubru huwa l-istaġun tal-opra f’Għawdex u allura s-Segretarjat Parlamentari ħa l-inizjattiva li jixtri numru ta’ biljetti biex jingħataw lill-anzjani tagħna, skond kriterji stabbiliti. Dan bl-għan li nkomplu nkattru il-kuncett tal-anzjanità attiva fost l-anzjani Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarjat se jkun qiegħed jilqa’ talbiet minn anzjani li se jiġu evalwati skont ċertu kriterji biex appuntu jingħataw dawn il-biljetti b’xejn.
Fost il-kriterji hemm li persuna irid ikollha il-kartanzjan, tkun qed tattendi kors u/jew taħdem jew involuta f’għaqda volontarja. Dawn il-kriterji jridu jiġu sottomessi bħala prova permezz ta’ dokument. It-talbiet jiġu evalwati u eventwalment jingħataw il-biljetti.
Il-biljetti li se jingħataw huma għaż-żewg opri kif ukoll għall-kunċert operistiku ieħor, it-tlieta li huma se isiru f’Għawdex. B’dan il-mod, is-Segretarjat se jkun qiegħed jippromwovi l-arti u l-kultura fost l-anzjani tagħna , kif ukoll jippromwovi t-turiżmu lejn Ghawdex fost l-anzjani.
In-numru ta’ biljetti huwa limitat u għalhekk is-sottomissjonijiet għandhom isiru bejn it-23 ta’ Settembru u t-30 ta’ Settembru. Wara il-proċess ta’ evalwazzjoni li għandu jieħu sal-5 ta’ Ottubru, il-persuni magħżula skond il-kriterji jkunu jistgħu jiġu jiġbru il-biljett mill-Uffiċini tas-Segretarjat Parlamentari.
Għall-iktar informazzjoni ċemplu fuq 25903175 jew ibagħtu email fuq activeageing@gov.mt.
Other Press Releases:
PR262045
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...
PR262044