Left arrow Go Back

DISKORS MILL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT F’GĦELUQ IL-ĦAMSIN SENA MINN META MALTA SARET INDIPENDENTI - IS-SIBT 20 TA’ SETTEMBRU – TA’ LIESSE – IL-BELT VALLETTA

pr142104
Date Icon 20/09/2014

Lejlet il-ħamsin sena mit-twelid tagħha, Malta u l-Maltin Indipendenti jridu jisimgħu dwar il-futur u mhux biss dwar il-passat. Kien is-sens ta’ destin, ta’ avventura, ta’ rieda, appuntu ta’ futur, li wassal lil ommijietna u missierijietna biex jieħdu l-pass importanti li llum isawwarna bħala Nazzjon Indipendenti, sidien tad-destin tagħna, responabbli tal-futur tagħna u ta’ uliedna.

Inħossni kburi li ninsab hawn illum. Kburi għaliex inħoss li llum huwa fost l-aktar mumenti li fih il-poplu jinsab magħqud, iħares lejn il-futur.

Ħamsin sena ilu, il-poplu kien maqsum f’żewġ kurrenti politiċi li t-tnejn riedu l-aħjar għal pajjiżna iżda li ukoll wasslu għal firda poplu b’politika żgħira, piki frott l-għeluq, u ma kienux kapaċi jsibu l-għaqda f’mumenti bħal dan u oħrajn warajh.

Dakinhar, ħafna ċċelebraw, iżda bosta oħra pprotestaw. Ħafna familji għarfu l-milja ta’ dak il-jum, iżda oħrajn batew għaliex pajjiżna kien għad irid jimmatura biex jintemmu l-kundanni, biex ħadd ma jibqa’ mċaħħad mid-dritt li jgħid, li jaqra u li jemmen dak li jagħżel hu mingħajr theddid jew kastig. Kien żmien li jmur lil hinn mid-dinja tagħna tal-lum. Dawk il-feriti issa għalqu biex qatt aktar ma jerġgħu jinfetħu.

Minn dakinhar kbirna u ġenerazzjoni wara l-oħra qed tagħraf tinqata’ mill-għeluq li żamm lura lil ta’ qabilha. Għalhekk, illum importanti li qegħdin hawn flimkien. Ma jfissirx li naqblu jew se naqblu fuq kollox il-ħin kollu. L-essenza tad-demokrazija mhux li taqbel, iżda li tiddibatti, tirrispetta u tikkonvinċi. Qegħdin hawn flimkien biex nuru d-differenza minn fejn tlaqna għal fejn wasalna, u nuru lilna nfusna u lid-dinja kemm bħala poplu mxejna ’il quddiem f’għemilna u ħsibijietna f’ħamsin sena.

Iżda l-aħbar it-tajba hija li dak li ksibna f’dawn l-ewwel ħamsin sena ta’ Indipendenza ma huwa xejn ħdejn dak li se niksbu fil-ħamsin sena li ġejjin, jekk ngħożżu l-ħsieb ta’ nazzjon wieħed u poplu magħqud.

Jien konvint minn dan kollu għaliex nagħmel parti minn dik il-ġenerazzjoni li ma taħlix żmien f’dibattiti inutli dwar liema jum huwa l-akbar jew l-aqwa.

Jien konvint għaliex inħoss li mingħajr Ħelsien m’inix Malti. Mingħajr Repubblika m’inix Malti. Mingħajr Indipendenza m’inix Malti.

Huwa permezz ta’ dawn il-kisbiet li llum Jien, Int, Aħna Maltin.

L-idea tal-arkitetti li wassluna sa hawn m’għadiex il-viżjoni tal-ftit li riedu jikkonvinċu lil ħafna. Għandna l-ambizzjoni ta’ min jemmen fil-kapaċitajiet tiegħu. Ta’ min jaf li nistgħu naslu u li se naslu.

Hemm min jgħidlek li fid-dinja tal-lum, li tħares sena bil-quddiem huwa wisq. Aħseb u ara, għaxra, ħamsa u għoxrin, jew ħamsin sena oħra. Iżda jien se nipprova ngħidilkom kif naraha l-Malta ta’ ħamsin sena oħra, fejn nixtieq li uliedi jrabbu lil uliedhom.

Il-Malta tal-ħamsin sena li ġejjin se naraha eħfef, lesta tiddeċiedi aktar malajr, aktar kuraġġuża, aktar ambizzjuża. Li ma tistenniex iżda li tantiċipa l-bidliet. Li fi żmien ta’ taqlib ekonomiku fit-Tramuntana, u taqlib demokratiku fin-Nofsinhar, ma nibqgħux wieqfa nistennew l-affarijiet iseħħu. Iżda minflok inbiddlu u nkomplu ninbidlu. Inkunu oasi ta’ stabbiltà ekonomika u demokratika li tagħti tama mhux biss lil uliedna, iżda wkoll lill-popli ta’ madwarna fl-Ewropa u fil-Mediterran.

Il-Malta tal-ħamsin sena li ġejjin se tkun kapaċi toħloq aktar xogħol milli qatt ħolqot, aktar ġid milli qatt kellna. Malta kosmopolitana, li jkollha bżonn tikber għaliex toħloq aktar xogħol milli jistgħu jagħmlu wliedna waħedhom. Malta li tagħraf l-isfida tal-iżvilupp sostenibbli, fejn l-aħjar mod li bih jiġi protett l-ambjent mhux billi naħsbu li nistgħu nwaqqfu l-progress, iżda billi naraw li l-ambjent ikun fiċ-ċentru tal-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Nemmen li l-Malta tal-ħamsin sena li ġejjin mhux biss se toħloq xogħol u ġid aktar minn qatt qabel, iżda se tqassam dan il-ġid aħjar milli qatt tqassam. Malta li tippremja l-bżulija, iżda wkoll Malta li tara li kulħadd ikollu l-istess ċans li jirnexxi f’ħajtu. Malta li tgħin lil dawk uliedha li jaqgħu lura. B’ġustizzja, mhux biss bi ħniena.

Nemmen li l-ħamsin sena li ġejjin għal Malta u Għawdex se jkunu s-snin li se naraw bidliet akbar. L-ewwel kellna nistennew snin sħaħ bla ma jiġri xejn, fejn ġenerazzjonijiet sħaħ ħassewhom miftumin, għatxana għal ftuħ li kienu jaraw fuq l-orizzont ta’ pajjiżi oħra. Imbagħad, ħadna n-nifs għaliex il-bidliet li żmienhom kien ilu li ġie, fl-aħħar bdew iseħħu. Issa erġajna bdejna ma nistennewx lil oħrajn biex inbiddlu. Qed inkunu minn ta’ quddiem u nuru li verament nistgħu nkunu l-aqwa u nagħtu aħna direzzjoni lil ħaddiehor. Dan huwa biss iż-żernieq tal-Malta tal-ħamsin sena li ġejjin.

Ġenerazzjonijiet li lesti li jkunu ambizzjużi u jissorprendu, lil ta’ madwarna, lil ta’ qabilhom, lilhom infushom. Li se jisfidaw lilna l-ġodda tal-lum b’ambizzjonijiet akbar.

Din hija l-Malta tal-ħamsin sena li ġejjin li noħlom, nemmen u nħeġġiġkom biex naħdmu flimkien għaliha.

Ħarsu madwarkom, ħudu b’idejn min hu ħdejkom, ifirħu b’xulxin u ifirħu lil xulin. Għaliex illum ninsabu hawn, fl-aħħar magħqudin.

Dawk fortunati li ħamsin sena oħra nkunu hawn jaraw l-ewwel seklu ta’ Malta Indipendenti, se jisimgħu lill-mexxejja li għadhom ma twieldux jgħidu kif wettaqna din il-ħolma u kif se jwettqu tagħhom.

U dakinhar, bħall-bieraħ u bħal-lejla, il-poplu, aħna lkoll, se ningħaqdu f’għajta waħda: Viva Malta Indipendenti!

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ liġi ġdida dwar il-logħob tan-nar, biex il-qasam tal-piroteknika jkollu qafas regolatorju li jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u mhux ir-regoli tal-passat – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR262045

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sena d-dieħla se tidħ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Inqas burokrazija, aktar vuċi u protezzjoni għall-volontarjat: Riforma fil-volontarjat li tagħti aktar saħħa lill-organizzazzjonijiet u, għall-ewwel darba, protezzjoni legali speċifika lill-voluntiera

PR262044

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...

More Press Releases Right arrow