DR IAN BORG JILTAQA’ MA’ DIVERSI MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW FI STRASBURGU
Dr Ian Borg, Segretarju Parlamentari għall-Presidenza 2017 u għall-Fondi Ewropej qiegħed bħalissa jżur il-Parlament Ewropew fi Strasburgu bħala parti mill-preparazzjoni għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea illi Malta se tkun qed tippresjedi matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2017.
Matul iż-żjara tiegħu fi Strasburgu, li qed taħbat mas-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew, Dr Borg qed jiltaqa’ wkoll b’mod bilaterali ma’ wħud mill-membri fi ħdan din l-istituzzjoni.
Waqt il-laqgħa tiegħu ma’ Klaus Welle – Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew – Dr Borg iddiskuta fit-tul it-temi prinċipali li preżentament qiegħda tiffaċċja l-Unjoni. Huwa qed jieħu wkoll l-opportunità li jiddiskuti l-irwol tal-Parlament Ewropew fil-proċess ta’ ko-leġislazzjoni mal-Kunsill tal-Ministri. Fl-istess ħin, Dr Borg qed jispjega l-mod illi bih il-gvern Malti qed jaħdem flimkien mal-gvernijiet tal-Olanda u s-Slovakkja illi flimkien ma’ Malta jiffurmaw it-‘Trio’ tal-pajjiżi li se jkunu flimkien responsabbli mill-Presidenza. Dawn il-punti se jkunu wkoll fost it-temi ewlenin li Dr Borg se jkun qed jiddiskuti flimkien ma’ Jerzy Buzek, ex-president tal-Parlament Ewropew kif ukoll President tal-Presidenti tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew u President tal-Kumitat għall-Industrija, Riċerka u l-Enerġija (ITRE).
Dr Borg iltaqa wkoll ma’ Gianni Pittella, Kap tad-delegazzjoni tas-S&D fi ħdan il-Parlament Ewropew kif ukoll ma’ Giovanni La Via, President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew responsabbli mill-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà tal-Ikel (ENVI).
Dr Borg ospita wkoll lis-sitt MPEs Maltin kif ukoll lill-Kummissarju nominat Karmenu Vella għal ikla ta’ ħidma.
Other Press Releases:
PR262044
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...
PR262043