ILLUM TIBDA L-EUROPEAN MOBILITY WEEK 2014 MADWAR L-EWROPA KOLLHA
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat indirizza konferenza stampa sabiex jingħata bidu formali għall-European Mobility Week 2014. Il-Ministru Bonnici qal, “Illum qed ningħaqdu mal-kumplament tal-Ewropa għal-tliet għanijiet ewlenin.” L-għan ta’ din il-ġimgħa, li tibda fis-16 ta’ Settembru u tkompli sat-22 ta’ Settembru, huwa li jinħoloq għarfien dwar modi diversi ta’ trasport sostennibli u li jiġu emfasizzati l-isfidi li l-pajjiż għandu biex jibdel l-attitudni taċ-ċittadini għal dawn it-tipi ta’ trasport.
Il-Ministru qal li illum ser jitħabbru l-ismijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-NGOs li fil-fehma ta’ bord indipendenti bagħtu l-aħjar sottomissjonijiet għall-attivatijiet li ser jiġu organizatti matul din il-ġimgħa bit-tema Our Streets, Our Choice, kif ukoll sabiex iwasslu l-messaġġ ewlieni li t-titjib tal-kwalità tal-ħajja huwa u jrid ikompli jkun il-mira ewlenija tal-Gvern Ċentrali, dak Lokali kif ukoll tal-NGOs Maltin u Għawdxin. Meta pajjiż jirnexxielu jnaqqas it-tniġġis mit-trasport ikun qed itejjeb is-saħħa taċ-ċittadini tiegħu, kif ukoll inaqqas l-impatt fuq it-tibdil fil-klima.
Il-Ministru Brincat qal li kien hemm min staqsa għalfejn il-Car Free Day li qed tiġi mnedija flimkien mal-Mobility Week sejra issir propju nhar it-Tnejn meta jiftħu l-iskejjel. Ir-raġuni hija sempliċi, li l-istess kif il-European Mobility Week ta’ din is-sena tiftaħ propju llum ġewwa l-Ewropa, daqstant ieħor il-Car Free Day f’pajjiżna sejra ssir propju fl-istess jum li ser tkun mfakkra fl-Ewropa kollha - nhar it-Tnejn.
Huwa saħaq li l-importanza ta’ dan kollu jmur lill hinn mis-simboliżmu u jikber fis-sinjifikat meta wieħed iqis li skont survey tal-Eurobarometer ikkumissjonat dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-problemi fiż-żoni urbani f’pajjiżna - fosthom il-konġestjoni tat-traffiku - huma ta’ tħassib għal ħafna - speċjalment minħabba l-impatt fuq il-kwalità tal-arja, min-naħa l-oħra l-maġġoranza tal-Maltin li wieġbu l-istess survey jemmnu li l-Gvern qed jagħti s-sehem tiegħu biex jitħares l-ambjent.
Il-Ministru sostna, “Bħala Gvern li dejjem iħares il-quddiem, filwaqt li nagħrfu t-tajjeb li sar, nemmnu li għandna d-dmir li nkomplu nirsistu biex isir dak li għadu meħtieġ li jsir, ħalli dejjem ngħollu l-livell tal-għixien f’pajjiżna.”
Huwa qal li jinsab inkoraġġut mill-fatt li minkejja li għad baqa ħafna x’issir biex jintlaħqu l-livelli meħtieġa f’diversi oqsma, huwa ta’ sodisfazzjon kemm li l-Maltin jagħtu importanza kbira lill-ħarsien tal-ambjent, kif ukoll li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin jaqblu mad-dikjarazzjoni li l-ħarsien tal-ambjent jista’ jgħin it-tkabbir ekonomiku. Dan kollu għandu jxejjen l-idea antikwata li l-ambjent ixekkel l-iżvilupp jew li l-iżvilupp sostenibbli jxekkel l-ambjent.
Il-Ministru Brincat qal li dwar is-sottomissjonijiet mill-Kunsilli Lokali u l-eNGOs li wieġbu għall-istedina inter-ministerjali, għandu jingħad li b’kollox kien hemm 22 sottomissjoni – numru sabiħ meta wieħed iqis id-deadlines pjuttost ristretti li kellhom. Tlettax minn dawn ġew mill-Kunsilli Lokali filwaqt li 9 ġew sottomessi mill-NGOs.
Dawk l-organizzaturi li ġew shortlisted ġew inkoraġġuti biex jirreġistraw l-attivitajiet tagħhom fuq il-Website tal- European Mobility Week tal-istess Kummissjoni Ewropea nnifisha.
Il-Ministru qal li ta’ min wieħed ifaħħar lill min ħejja l-kriterji stretti tal-għażla tal- organizazzjonijiet rebbieħa fost dawk kollha li ħadu sehem, b’mod partikulari għall-enfasi li kien hemm fuq għadd ta’ aspetti – Ambjent, enerġija, ippjanar u transport.
Huwa qal li bħala Ministeru jinsabu impenjati li jkomplu jaħdmu fuq żewġ abbozzi importanti ta’ liġijiet b’rabta mal-European Mobility Week – skont il-Budget 2014 innifsu – liġi dwar it-tibdil tal-klima u anki liġi dwar it-tniġġiż tal-ħsejjes.
Il-Ministru Brincat temm jgħid li filwaqt li jrodd ħajr lill-sħabu l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li lkoll taw sehem sħiħ f’din il-ħidma konġunta kif ukoll lill-MEPA għas-sehem u l-finanzjament tagħha, jemmen li l-fatt li din il-ħidma saret b’mod konġunt u mhux minn xi Ministeru wieħed waħdu, turi li fejn tidħol il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u s-saħħa ambjentali tagħna lkoll hemm bżonn inkomplu nindirizzaw dawn il-problemi u dawn l-isfidi id f’id flimkien - lejn il-kisba ta’ riżultati dejjem aħjar - fl-aħjar interess taċ-ċittadini nfushom.
B’hekk it-tema ewlenija Ewropea ta’ din il-ġimgħa ta’ Our Streets, Our Choice tkun tista titwettaq bil-fatti.
Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, qal li dan mhux impenn ta’ Ministeru jew Segretarjat Parlamentari wieħed, imma ta’ Amministrazzjoni sħiħa. Huwa vera sodisfazzjon b’mod partikolari għall-impenn tal-Kunsilli Lokali u tad-diversi għaqdiet li kkontribwew bis-sħiħ lejn dawn l-attivitajiet. Stqarr ukoll li bħala MEPA l-flus jingħataw bi prijorità, speċjalment fejn jirrigwardja l-ambjent, u awgura li din l-inizjattiva tibqa’ ssir b’mod regolari. Tenna kif il-MEPA tidħol ukoll fit-tniġġiż tal-arja u mhux biss għall-Car Free Day, u dan fost inizjattivi oħra.
Dr Michael Falzon għalaq billi rringrazzja lill kull min attenda, kif ukoll lill-Kunsilli kollha u lil kull Għaqda għall-impenn tagħhom.
Is-Sur Peter Paul Barbara, l-koordinatur tal-attivitajiet lokali li jagħmlu parti mill-kampanja tal-European Mobility Week qal li l-attivitajiet li ġew organizzati din is-sena bħala parti mill-European Mobility Week saru b’differenza mis-snin ta’qabel. Waħda minn dawn id-differenzi kienet il-proċess li bih ġew magħżula l-attivitajiet li ser jiġu organizzati mill-Kunsilli Lokali u l-Organizazzjonijiet mhux Governattivi.
Huwa qal li din is-sena ġew imposti numru ta’ kriterji li bihom setgħu jiġu magħżula l-aħjar proposti - kriterji li jinkludu t-trasport, ambjent u enerġija, kif ukoll l-ippjanar. Kellhom rispons qawwi kemm min-naħa tal-kunsilli lokali kif ukoll mill-Organizzazjonijiet mhux Governattivi.
Is-Sur Barbara ħabbar il-proposti li ġew magħżula u l-attivitajiet li ser isiru matul il-ġimgha kollha. Huwa fakkar li ser ikunu qed jinatgħu €2000 għall-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.
Il-Kunsilli Lokali li ġew magħżula huma:
1. Il-Belt Valletta
2. L-Għarb, Għawdex
3. In-Naxxar
4. Bormla
5. Marsaxlokk
Filwaqt li l-Għaqdiet mhux Governattivi magħżula huma:
1. Għaqda Mużikali, San Ġorġ, Qormi
2. Bicycle Advocacy Group
3. Kumitat taż-Żgħażagħ tal-Oratorju Don Bosco, Rabat Għawdex
4. Każin tal-Banda Madonna tal-Ġilju, Mqabba
L-Attivitajiet
Bejn illum, 16 ta’ Settembru sa’ nhar it-Tnejn 22 ta’ Settembru, il-kunsill Lokali ta’ Bormla ser ikun qed joffri lill-pubbliku servizz ta’ trasport li jaħdem b’enerġija effiċenti, kuljum bejn it-8.00 u nofs in-nhar. Dan is-servizz ser ikun b’xejn.
16 sa 18 ta’ Settembru 2014
Il-Bicycle Advocacy Group ser jorganizzaw counting stations f’diversi lokalitajiet bl-għan li jiġu identifikati tlett rottot għas-sewwieqa tar-roti. Ir-rottot identifikati ser ikunu ppublikati għal-konsultazzjoni nhar il-Ħadd 21 ta’ Settembru waqt in-National Bicycle Ride li ser issir taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika ta’ Malta. Din l-attività qed issir bil-għan li s-sewwieqa tar-roti jimmapjaw u jaqsmu l-aktar rottot sikuri ma’ sewwieqa oħra.
18 ta’ Settembru 2014
Il-Każin tal-Banda Madonna tal-Ġilju, Mqabba ser ikun qed jorganizza wirja tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku.
19 ta’ Settembru 2014
L-Għaqda Mużikali San Ġorg Martri, Ħal Qormi ser tkun qed torganizza attivitajiet f’Ħal Qormi bejn nofs in-nhar u s-19.00 li jinkludu attivitajiet ta’ ċikliżmu fi Triq il-Kbira u partijiet minn Triq il-Wied. L-attivitatjiet ta’ ċikliżmu ser ikunu ikkonċentrati bejn Triq il-Mitħna u Triq il-Korea. Fi Pjazza San Franġisk ser ikun hemm attivitajiet oħra għal-familja kollha, inkluż sports u Ekokażin.
20 ta’ Settembru 2014
Il-Kumitat taż-Żgħażagħ tal-Oratorju Don Bosco, Rabat, Għawdex ser ikun qed jorganizza attivitajiet bejn id-9.00 u l-10.30 u bejn it-15.00 u s-18.00 fi Pjazza Santu Wistin u Kunċert bejn l-10.30 u l-11.30 fi Triq il-Palm, ir-Rabat, Għawdex.
Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar ser ukoll ikun qed jorganizza attivitajiet ta’ ċikliżmu, stands informattivi fuq l-enerġija u ambjent fost attivitajiet oħra.
21 ta’ Settembru 2014
Il-Każin tal-Banda Madonna tal-Ġilju ser ikun qed jorganizza attivitajiet għall-familja kollha fl-Imqabba. Dawn jinkludu wirjabil-vetturi li jaħdmu bl-elettriku, demostrazzjonijiet bis-segways, tour ta’ mixi mal-Imqabba, u edukazzjoni ta’ saħħa u sigurtà fit-toroq għat-tfal.
Il-kunsill lokali Marsaxlokk ser jagħlaq għat-traffiku Xatt is-Sajjieda, filgħodu fil-21 ta’ Settembru. Ser ikun qed jitrasforma x-Xatt f’area ippedestijanizzata. L-attivitajiet ser ikomplu filgħaxija fejn ser issir Fish Fest b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat tal-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.
Ser tkun qed issir ukoll in-National Bicycle Ride li qed tiġi organizzata taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika ta’ Malta. Donazzjonijiet ta’ €10 jinatgħu lill-Community Chest Fund. Ir-reġistrazzjoni tiftaħ fit-tlieta ta’ wara nofs in-nhar fil-parkeġġ tal-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura f’Belt is-Sebħ. Ser ikun hemm lotterija miftuħa għall-parteċipanti kollha, li fiha jistgħu jintrebħu sa’ tlett roti li jaħdmu bl-elettriku.
22 ta’ Settembru 2014
Fit-22 ta’ Setttembru, il-ġurnata tal-Car Free Day, il-kunsill Lokali tal-Belt Valletta ser ikun qed joffri servizz ta’ Shuttle Buses bi prezz issusidjat minn parkeġġi madwar il-Belt. Il-biljetti ser ikunu qed joffru prezz issusidjat f’ numru ta’ stabbilimenti madwar il-Belt tul il-ġimgħa kollha. Il-Valletta Ferry Service ser ukoll ikun qed joffri prezz issusidjat fuq it-traġitt bejn il-Belt, tas-Sliema u l-Kottonera, dak in-nhar tal-Car Free Day.
Attivitajiet oħra ser jiġu organizzati mill-kunsill lokali tal-Għarb, Għawdex nhar il-Ħadd. L-attivitajiet jinkludu tħawwil ta’ numru ta’ siġar, wirja bil-karozzi li jaħdmu bl-elettriku u attivitajiet oħra għall-familja kollha.
Fil-Car Free Day, nhar it-22 ta’ Settembru, f’Għawdex ser tkun magħluqa Triq ir-Repubblika r-Rabat minn Villa Rundle Gardens sa’ Tiġrija Palazz, mid-9.00 sas-14.00.
Other Press Releases:
PR262044
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inqas burokrazij...
PR262043