KAMPANJA SABIEX JITJIEB IL-LIVELL TAL-UŻU TAL-INGLIŻ F’MALTA
Programm tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol f’kollaborazzjoni strateġika ma’ Cambridge English, UK
Tisħiħ tal-litteriżmu xjentifiku bl-Ingliż
Sfond
Il-Lingwa Ingliża għandha status speċjali f’pajjiżna li hu bilingwi. Kulħadd jaqbel kemm hu importanti l-użu tal-Ingliż għall-oqsma ekonomiċi, edukattivi, kulturali u professjonali. Fl-istess ħin bosta huma mħassba fuq il-livell tal-Ingliż f’Malta, ngħidu aħna, kif użat fis-sistema edukattiva, fil-mezzi tax-xandir, u l-bqija.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jirrikonoxxi dan it-tħassib u għalhekk nieda programm ambizzjuż u kampanja rigoruża sabiex imantni u jgħolli l-livell tal-Ingliż f’Malta. Bħala l-ewwel inizjattiva, se jsir stħarriġ strutturat u ffukat fuq is-sitwazzjoni tal-użu tal-Ingliż f’Malta. Fl-istudju l-livell ta’ profiċjenza fil-Lingwa Ingliża li għandhom l-istudenti Maltin se jitqabbel ma’ standards internazzjonali.
Kull sena Cambridge English, UK tamministra ’l fuq minn 4 miljun eżerċizzju ta’ assessjar fil-lingwa u tul is-snin wettqet proġetti tal-istess xorta ma’ bosta gvernijiet u organizzazzjonijiet, ngħidu aħna, f’għadd ta’ pajjiżi tal-Commonwealth. Din l-evalwazzjoni li se ssir tal-livelli ta’ profiċjenza fl-Ingliż se tgħin lill-Ministeru jfassal miri realistiċi u li jistgħu jintlaħqu għat-tagħlim tal-Ingliż fil-futur u dan fi ħdan il-Politika Nazzjonali Lingwistika għall-Edukazzjoni. Se jiġi evalwat ukoll x’inhuma l-implikazzjonijiet ta’ dan l-istħarriġ għat-tagħlim tal-Ingliż fl-iskejjel, ir-riżorsi u l-materjali u t-taħriġ tal-għalliema, kemm dak li jsir fil-bidu tal-karriera tagħhom, kif ukoll matulha. Se nkomplu nisħqu li għandu jkun hemm attitudni pożittiva lejn l-Ingliż u l-Malti. Irridu nissoktaw intejbu l-kompetenza fil-komunikazzjoni bl-Ingliż biex din tixtered u tissaħħaħ f’firxa wiesgħa ta’ kuntesti. Se jiġi assigurat li Malta tkun tista’ jkollha l-Ingliż bħala għodda importanti fir-relazzjonijiet internazzjonali u ekonomiċi.
L-Użu tal-Ingliż biex intejbu l-Litteriżmu Xjentifiku
Biex Malta tkun tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tagħha fis-suq dinji tax-xogħol, trid tkompli tiżviluppa s-sistema edukattiva tagħha u ġġibha tal-ogħla kwalità. Ir-riforma fl-edukazzjoni tista’ sseħħ biss jekk ninvestu fil-litteriżmu xjentifiku għax dan jagħti saħħa ekonomika. Jekk il-poplu Malti jkollu għarfien xjentifiku iktar għoli, il-pożizzjoni ta’ Malta fis-suq dinji tax-xogħol se titjieb. Il-parti l-kbira tal-għerf fl-oqsma tax-xjenzi huwa bl-Ingliż. Għaldaqstant irridu nħabirku biex l-istudenti tagħna jkollhom ħakma tajba tal-Ingliż ħalli jkollhom aċċess għall-oqsma xjentifiċi. Irridu nsaħħu l-Ingliż bħala l-lingwa tal-istruzzjoni fl-edukazzjoni tax-xjenzi. Jekk tassew l-avvanz ekonomiku fil-kuntest internazzjonali huwa prijorità nazzjonali l-Ingliż u l-litteriżmu xjentifiku jridu jkunu suġġetti ewlenin fis-sistema edukattiva tagħna u fit-taħriġ tal-għalliema.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042