STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Il-faqar ikkwotat mill-oppożizzjoni jirreferi għall-2012
F’tentattiv li tkun negattiva akkost ta’ kollox, l-Oppożizzjoni reġgħet għamlet żball kbir ieħor.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata llum, id-deputat Clyde Puli kkwota statistika tal-NSO li ħarġet din il-ġimgħa, ibbażata fuq is-survey tas-SILC, u pprova jużaha biex jikkonvinċi li l-problema tal-faqar żdiedet taħt dan il-Gvern.
Kull ma kellu jagħmel id-deputat Clyde Puli huwa jaqra sew id-dokument tal-NSO stess li minnu suppost ikkwota. F’paġna 6 tad-dokument, taħt it-titlu Methodological Notes, jingħad hekk:
Income reference period
The income reference year of the SILC survey is one calendar year prior to the survey year. Consequently, the income collected in SILC 2013 refers to the calendar year 2012.
Dan ifisser li s-survey li madwaru nbniet il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Oppożizzjoni jirreferi mhux għad-dħul u l-kundizzjonijiet tal-familji fis-sena 2013 iżda għad-dħul u l-kundizzjonijiet tal-familji fl-2012. Bil-kritika tiegħu Clyde Puli m’għamel xejn ħlief attakka r-rekord tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.
Sa sbatax-il xahar ilu, l-esponenti tal-partit li llum jinsab fl-Oppożizzjoni kienu jgħidu li l-faqar huwa perċezzjoni. Iżda kif tixhed l-istatistika ppublikata din il-ġimgħa, u li d-deputat Clyde Puli llum ipprova jattakka lill-Gvern biha, il-faqar taħt amministrazzjoni preċedenti kien tħassib ewlieni.
Dawn iċ-ċifri juru li, taħt il-Gvern ta’ qabel, in-numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar, kien tela minn 20% (81,000 persuna) għal 24% (99,000 persuna).
Il-kritika żbaljata u superfiċjali tal-Oppożizzjoni tikkuntrasta mal-impenn enerġetiku u ġenwin ta’ dan il-Gvern li jbiddel ir-rotta. Din l-amministrazzjoni diġà ħadet diversi inizjattivi biex il-familji Maltin u Għawdxin ikollhom iktar flus fil-but, ewlenin fosthom ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Fix-xhur li ġejjin dan il-Gvern se jkompli jniedi aktar miżuri biex joħloq aktar opportunitajiet li jgħinu lill-familji tagħna jgħixu ħajja aħjar.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042