IL-KLABB TAN-NEPTUNES JINVESTI F’ENERĠIJA ALTERNATTIVA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr Ian Borg attenda għall-inawgurazzjoni ta’ proġett li kien jinvolvi installazzjoni ta’ panelli fotovoltaiċi u sistema ġdida sabiex issaħħan il-pixxina fil-kumpless tan-Neptunes Waterpolo u Swimming Club. Dan il-proġett ser ikun parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, bl-investiment sħiħ jammonta għal €156,000.
L-objettivi ta’ dan il-proġett huma li:
• Iżżid il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi alternattivi ta’ enerġija.
• Inaqqas l-emissjonijiet fl-arja.
• Iżżid l-għarfien dwar l-importanza ta’ ambjent aktar nadif.
• Joffri servizz aħjar għall-għawwiema fix-xhur tax-xitwa peress li s’issa l-unika pool li kienet tkun imsaħħna hija dik tal-Qroqq.
Dr Borg fl-intervent li għamel waqt din l-attività tkellem fuq l-aċċess għall-Fondi Ewropej minn Għaqdiet Sportivi. Huwa qal li fis-snin li ġejjin għall-għaqdiet sportivi l-Gvern qed iħares lejn aktar interventi orizzontali bħal dawk l-inizjattivi favur enerġija alternattiva, investiment fl-infrastruttura tal-informatika, kif ukoll fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-proġett li qed ikun inawgurat illum għandu jservi ta’ eżempju. Dan għaliex dan il-proġett ser ikun qed jgħin sabiex il-Klabb tan-Neptunes ikun aktar effiċjenti fl-operat tiegħu billi qed jippromwovi użu aktar effiċjenti tal-enerġija li ser iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-Klabb. Dak it-tfaddil ikun jista' jintuża mill-entità sportiva f'nefqiet vertikali li mhux neċessarjament ikunu eliġibbli għall-finanzjament ewropew.
Fl-għeluq tad-diskors tiegħu Dr Borg irringrazzja lil dawk preżenti għall-ġid li jagħmlu maż-żgħażagħ filwaqt li ħeġġiġhom ħalli jkomplu jkattru l-kultura sportiva f'pajjiżna. Preżenti wkoll għal din il-konferenza stampa kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isports Chris Aguis.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042