IKOMPLI JIŻDIED IL-KONSUM TAL-FAMILJI MALTIN U GĦAWDXIN
Ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika jindikaw li, matul l-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, l-importazzjoni f’Malta ta’ oġġetti għall-konsum żdiedet b’€16-il miljun, jew 2.7%, fuq l-istess perjodu tal-2013.
Dan it-tkabbir jindika kemm qed jiżdied b’mod sodisfaċenti l-konsum tal-familji Maltin u Għawdxin matul din is-sena, b’xiri kemm mill-azjendi lokali kif ukoll dirett min-negozji barranin. Matul l-ewwel żewġ kwarti ta’ din is-sena, il-konsum tal-familji kien €55 miljun aktar minn dak fl-istess żmien tal-2013. Din iż-żieda, ta’ 2.7%, hija l-akbar żieda reġistrata f’dan il-perjodu mill-2011 ‘l hawn.
It-tkabbir fil-konsum huwa kkonfermat ukoll mit-titjib sostanzjali fid-dħul tal-Gvern mill-VAT. Sa Lulju, l-ammont miġbur mill-VAT kien tela’ għal kważi €321 miljun, żieda ta’ 8.4% fuq dak li kien inġabar fl-istess perjodu tal-2013. Fil-budget li għadda, it-tbassir tal-Gvern kien li, għas-sena 2014 kollha, iż-żieda fil-VAT għandha tkun 6.9% u għalhekk jidher li l-Gvern se jkun daħħal ferm aktar minn fuq il-konsum milli kien bassar sal-aħħar ta’ din is-sena.
L-aqwa konferma taż-żieda sostanzjali fil-konsum tal-familji Maltin u Għawdxin tiġi mill-fatt li l-azjendi tal-wholesale u retail qed iżidu b’mod qawwi n-numru ta’ impjegati li jħaddmu magħhom.
Sa Marzu 2014, mas-settur tar-retail (tneħħi l-bejgħ ta’ karozzi) kien hemm impjegati kważi 12,400 full-timer u 7,020 part-timer. Dan ifisser żieda ta’ 258 impjegat full-time, jew 2.1% aktar, u ta’ 418 part-timer, jew 6.3% aktar.
Fis-settur tal-wholesale (tneħħi l-bejgħ ta’ karozzi) kien hemm żieda ta’ 308 full-timer, jew 3.5% aktar, u ta’ 100 part-timer, jew 3.9% aktar, mill-istess xahar tal-2013. Fejn jidħol bejgħ ta’ karozzi, it-tkabbir fl-impjiegi kien ta’ 1.1% fil-full-timers u 5% fl-impjegati part-time. Dan ifisser li fis-settur tal-bejgħ, matul l-ewwel sena ta’ din l-amministrazzjoni, kull tlett ijiem li għaddew kien hemm żieda ta’ żewġ impjiegi full-time u żewġ impjiegi part-time.
Il-figuri maħruġa llum fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti ta’ konsum jindikaw li dan it-tkabbir fl-impjiegi se jkompli jitjieb fix-xhur li ġejjin.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042