KATINA TA’ PROĠETTI GĦAR-RIJABILITAZZJONI TAL-KOTTONERA U TAL-MADWAR
Inawgurat il-proġett tal-Baċir Numru Wieħed
Ilbieraħ il-Gvern wettaq wiegħda oħra, meta kif kien wiegħed fil-Manifest Elettorali, lesta bla dewmien il-proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla. Dan huwa xiehda tal-prijorità li qed tingħata għar-riġenerazzjoni tal-Kottonera u tal-madwar.
Il-proġett tal-Baċir Numru Wieħed huwa proġett li kien ilu jiġi mwiegħed, minn Gvern preċedenti, għal dawn l-aħħar 20 sena, proġett li meta eventwalment beda, ħoloq problemi ġodda ta’ nuqqas ta’ ppjanar serju u perikli esposti għall-pubbliku, tant li matul ix-xogħlijiet, anzjana kienet waqgħet u mietet xahar wara.
Fid-diskors tiegħu waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett tal-Baċir Numru Wieħed, li huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li saru, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi fakkar li sa mill-ewwel ġurnata li nħatar Ministru, f’konferenza tal-aħbarijiet, tenna r-rieda tal-Gvern u fil-fatt, il-Ministeru ħa t-tmexxija diretta tal-proġett. Sa mis-sena l-oħra stess, il-proġett beda jingħata spinta u partijiet kbar minnu bdew jitlestew, ħafna minnhom anke qabel iż-żmien.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Dr Ian Borg tkellem dwar kif dan il-proġett, u allura l-impenn mill-Ministru Mizzi nnifsu biex jitlestew l-interventi fi żmien xieraq, juri l-impenn ta' dan il-Gvern biex ikompli jinvesti u jsebbaħ in-naħa t’isfel ta’ Malta. Huwa saħaq kif matul is-snin li ġejjin, is-Segretarjat tiegħu ser jara kif l-interventi minn Fondi Strutturali u ta' Investiment (Fondi Ewropej) ikunu mqassmin b’mod xieraq madwar il-pajjiż.
Il-Gvern ħaseb ukoll biex il-Kottonera, minħabba l-istorja tagħha u l-impatt li ħalliet il-gwerra, isirilha iżjed investiment fit-tul u għalhekk, saret reviżjoni tal-Brief tal-Baċir Numru Wieħed, li ġie integrat mal-pjan ta’ azzjoni.
L-importanza ta’ dan il-proġett kien li jiġu integrati darba għal dejjem it-Tlett Ibliet u jintrebaħ persentaġġ għoli ta’ spazju pubbliku. Dan sar b’finanzjament ta' ’l fuq minn 11-il miljun Ewro mill-UE. L-investiment ma kienx ikkonċentrat biss fuq il-Baċir, iżda sar xogħol ta’ ppjanar biex jiġi indirizzat l-aspett soċjali u integrat tal-pjan ta' azzjoni u riġenerazzjoni.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li minbarra x-xogħol li saru fuq il-Baċir, saru diversi interventi fuq il-‘housing’ u sistemi soċjali tal-inħawi tal-Kottonera, speċjalment is-sistemi ta’ housing f’San Ġwann t’Għuxa u fl-inħawi ta’ Santa Margerita.
“B’dan ix-xogħol, flimkien mar-restawr tal-fortifikazzjonijiet tal-madwar, illum qed nagħtu messaġġ ċar, li r-riġenerazzjoni tal-Kottonera hija ta’ importanza nazzjonali u biha nistgħu nixprunaw turiżmu sostenibbli fil-Lvant tal-Port u fix-Xlokk ta' Malta li għandhom uħud mill-aqwa sistemi ta' wirt storiku ta' importanza universali u opportunitajiet f'diversi industriji,” żied jgħid il-Ministru Joe Mizzi.
Is-somma ta’ 11-il miljun tkopri t-tisbieħ u rijabilitazzjoni tal-Baċir Numru Wieħed, it-tisbieħ u rijabilitazzjoni ta’ Xatt ir-Riżq, taż-żoni tal-komun tal-Married Quarters ta’ San Nikola (Housing), Cospicua Rangers, il-Housing Blocks tal-Verdala, iż-żona mitluqa, fi ġnien u playing area ħdejn il-Housing Estate ta’ San Ġwann t’Għuxa u r-rijabilitazzjoni ta’ triq biswit Dar Andrew u x-xatt tal-Isla minn Boiler Wharf sal-Maċina.
Għalkemm wieħed jista’ jara biss ix-xogħlijiet li llum qegħdin jidhru mil-livell ta’ triq ’il fuq, iżjed minn nofs ix-xogħlijiet twettqu taħt l-art, f’dik li hija infrastruttura u servizzi. Anke jekk l-iżgħar wieħed minn dawn il-proġetti ma sarx, għal xi raġuni jew oħra, kien ikun hemm ir-riskju ta’ telf ta’ fondi.
Il-Ministru ħabbar li dak kollu li kien hemm xi jsir, f’dawn il-proġetti madwar il-Kottonera, huma kompluti u minkejja d-diffikultajiet li ġie ffaċċjat bih dan il-grupp ta’ proġetti, dawn tlestew mingħajr ma nqabżu l-Baġits.
Il-Ministru enfasizza l-ħtieġa ta’ manutenzjoni ta’ dan ix-xogħol kollu u għalkemm il-Gvern, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali, se jagħmel ħiltu biex inżommu ż-żoni kollha mill-aħjar li jixraq, appella biex iċ-ċittadini u dawk kollha li se jużaw u jgawdu l-benefiċċji ta’ dawn ix-xogħlijiet, jagħmlu wkoll il-parti tagħhom.
Il-Ministru Joe Mizzi temm jgħid li bix-xogħlijiet li saru grazzi għall-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, illum hemm fondi biżżejjed biex jiġu rranġati l-Gate House maġenb id-daħla tal-Baċir biex is-sena d-dieħla, l-għassa ta’ Bormla tidħol f’dan bini.
Other Press Releases:
PR262043
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “...
PR262042