REGOLAMENTI ĠODDA DWAR IL-PROTEZZJONI TAL-FENEK SELVAĠĠ SE JKUNU PPUBBLIKATI FIL-JIEM LI ĠEJJIN
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali nhieda riforma sħiħa tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u il-Fenek Selvaġġ (L.S. 504.06). Dawn ser jinbidlu b’leġislatura ġdida u ppubblikata fil-jiem li ġejjin. Ir-Regolamenti tal-1994 huma skaduti u ma kienux jipprovdu regolamenti effettivi għall-protezzjoni u l-esplojtazzjoni sostenibbli tal-fenek selvaġġ. Il-legiżlazzjoni ġdida ser tindirizza dawn in-nuqqasijiet, issaħħaħ l-aspett tradizzjonali tal-kaċċa tal-fenek selvaġġ filwaqt li ittejjeb il-miżuri għall-protezzjoni ta’ din l-ispeċi, tnaqqas il-possibilità tal-abbuż, tikkjarifika aspetti legali u fuq kollox tipprovdi qafas legali iżjed ċar u effettiv.
Taħt ir-regolamenti preċedenti, l-istaġun tal-kaċċa tal-fenek selvaġġ kien jiftaħ mill-ewwel ta’ Ġunju sal-aħħar ta’ Diċembru kull sena, mingħajr ebda distinzjoni bejn kaċċa għall-fenek bis-senter u kaċċa tal-fenek selvaġġ bil-klieb, nemes u xibka mingħajr l-użu tas-senter. Filwaqt li il-parti tar-Regolamenti preċedenti li kienu jirregolaw il-protezzjoni tal-għasafar selvaġġi ġew imħassra u mibdula bir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S. 504.71), il-parti fejn kienet tirregola il-protezzjoni tal-fenek selvaġġ kienet nieqsa ħafna minn diversi aspetti, speċjalment miżuri dwar il-protezzjoni tal-fenek selvaġġ, nuqqas ta’ koerenza bejn aspetti ta’ infurzar u multi, u l-ebda distinzjoni rigward miżuri regolatorji dwar it-tipi differenti ta’ kaċċa u qbid tal-fenek selvaġġ.
Bir-regolamenti l-ġodda, il-kaċċa tal-fenek selvaġġ tiftaħ mill-ewwel ta’ Ġunju sal-aħħar ta’ Diċembru, iżda il-kaċċa tal-fenek bis-senter waqt ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awissu ser tkun permessa biss fuq art reġistrata mad-Dipartiment tal-Agrikultura u b’kunsens bil-miktub mingħand sid l-art. Din il-miżura ma tapplikax għall-kaċċa tal-fenek bis-senter minn Settembru sa’ Diċembru, fil-ħinijiet li l-kaċċa tal-għasafar tkun permessa taħt ir-Regolamenti dwar il-Konservazjoni tal-Għasafar Selvaġġi, u lanqas ma tapplika għall-insib tal-fenek selvaġġ bil-klieb, nemes u xibka mingħajr l-użu tas-senter. F’dawn il-każijiet xi restrizzjonijiet oħra japplikaw.
Minn Ġunju sa’ Awissu, il-kaċċa bis-senter għall-fenek tista’ ssir minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa’ sagħtejn wara nżul ix-xemx mit-Tnejn sas-Sibt u, fil-Ħdud u festi pubbliċi minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-siegħa ta’ wara nofsinhar. Minn Settembru sa’ Diċembru, il-kaċċa għall-fenek bis-senter tista’ ssir fil-ħinijiet li fihom tista’ tiġi pprattikata il-kaċċa għall-għasafar fl-istaġun miftuħ tal-Ħarifa, skont it-termini tar-Regolamenti dwar il-Konservazjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S.504.71) jew xi Regolament sussidjarju oħra.
Iżda, dawn ir-restrizjonijiet ma japplikawx għall-kaċċa tal-fenek selvaġġ bin-nemes, klieb u xibka, dment li din it-tip ta’ kaċċa ssir mingħajr senter.
Taħt dawn ir-regolamenti l-ġodda, kaċċaturi liċenzjati għall-kaċċa/insib tal-Fenek Selvaġġ huma obbligati bil-liġi jniżżlu il-qbid fil-ktejjeb tal-kaċċa, il-Carnet de Chasse. Din il-miżura ser tgħin lill-awtoritajiet jiġbru informazzjoni rigward l-ammont ta’ fniek li jinqabdu. Pieni marbuta mal-ksur tar-Regolamenti għall-Protezzjoni tal-Fenek Selvaġġ ġew miżjuda drastikament, b’hekk ġew fuq l-istess livell mar-Regolamenti dwar il-Konservazjoni tal-Għasafar Selvaġġi. Protezzjoni legali u addizjonali ġew introdotti sabiex jiġu protetti għasafar li jbejjtu mal-art, bħal per eżempju, ir-rekwiżit li in-nemes ikun imlibbes sarima waqt il-kaċċa/insib tal-fenek selvaġġ, restrizzjonijiet rigward l-użu tax-xibka, kif ukoll restrizjonijiet oħra li jillimitaw fejn il-fenek selvaġġ jista’ jiġi kkaċċjat bl-użu tax-xibka, klieb u nemes.
Din ir-rifoma fir-regolamenti għall-protezzjoni tal-fenek selvaġġ ħadet inkonsiderazjoni il-proposti kollha li għamlu il-MEPA, l-FKNK, KSU, il-pariri tal-esperti tal-kaċċa/nsib tal-fenek selvaġġ, kif ukoll proposti magħmula mill-BirdLife (Malta).
Other Press Releases:
PR262040en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...
PR262040