STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Malta tavvanza l-ħidma għal qafas legali li jirregola l-attivitajiet spazjali
Malta qed tavvanza l-ħidma fuq l-ewwel qafas leġiżlattiv nazzjonali li se jirregola l-attivitajiet spazjali, bil-għan li joħloq aktar ċertezza legali, isaħħaħ is-sorveljanza regolatorja u jiżgura li l-iżvilupp ta’ dan is-settur isir b’mod responsabbli, sigur u sostenibbli.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt il-parteċipazzjoni tiegħu fit-tmien edizzjoni tal-International Space Forum at Ministerial Level 2026 – The Roman Chapter, li sar f’Ruma, l-Italja, bit-tema “The Gate to the Sky: Space for Peace”.
Il-Ministru Grima spjega li dan il-qafas leġiżlattiv, li qed jiġi żviluppat bħala parti mill-Istrateġija Spazjali Nazzjonali 2022–2027, se jipprovdi bażi regolatorja aktar ċara għall-attivitajiet spazjali, filwaqt li jiżgura konformità mal-obbligi internazzjonali ta’ Malta. Dan huwa pass importanti biex pajjiżna jkompli jiżviluppa l-kapaċitajiet tiegħu f’settur li qed jikber b’rata mgħaġġla u li qed joħloq opportunitajiet ġodda għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment.
“Malta qed tkompli tibni l-pedamenti sabiex tkun tista’ tisfrutta l-opportunitajiet li joffri s-settur spazjali. Permezz ta’ qafas legali ċar u effettiv, irridu niżguraw li l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ dan is-settur jimxu id f’id mar-responsabbiltà, is-sigurtà u s-sostenibbiltà,” sostna l-Ministru Grima.
Fl-intervent tiegħu waqt is-sessjoni ministerjali dwar il-governanza, l-għarfien u r-responsabbiltà, il-Ministru enfasizza li l-iżvilupp mgħaġġel tat-teknoloġiji spazjali, iż-żieda fl-operaturi privati u d-dipendenza dejjem akbar fuq is-servizzi satellitari qed joħolqu opportunitajiet sinifikanti, iżda wkoll sfidi ġodda li jeħtieġu governanza effettiva u aktar kooperazzjoni internazzjonali.
Il-Ministru rrefera wkoll għall-ħidma ta’ Malta fil-livell Ewropew, fejn pajjiżna qed jipparteċipa b’mod attiv fin-negozjati dwar l-EU Space Act, proposta leġiżlattiva li għandha l-għan li tistabbilixxi qafas regolatorju komuni għall-attivitajiet spazjali fl-Unjoni Ewropea, b’enfasi fuq is-sigurtà, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà.
Huwa fakkar li f’Settembru 2024 Malta saret Stat Ewropew Kooperanti mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), pass li fetaħ opportunitajiet għal aktar kollaborazzjoni, riċerka u żvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali. F’Mejju 2026, Malta ffirmat ukoll l-Artemis Accords, biex kompliet issaħħaħ l-impenn tagħha favur l-esplorazzjoni u l-użu paċifiku, trasparenti u responsabbli tal-ispazju.
“L-innovazzjoni għandha tkun għas-servizz tal-umanità. Hekk kif qed inkomplu nsaħħu l-kapaċitajiet tagħna, irridu niżguraw li l-ispazju jibqa’ qasam ta’ paċi, kooperazzjoni u opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri,” qal il-Ministru Grima.
Il-forum internazzjonali, organizzat mill-Aġenzija Spazjali Taljana (ASI) u l-Federazzjoni Astronawtika Internazzjonali (IAF), laqqa’ flimkien ministri u rappreżentanti ta’ awtoritajiet u aġenziji spazjali minn madwar id-dinja sabiex jiddiskutu l-futur tas-settur spazjali, il-kontribut tiegħu għall-ħarsien tal-pjaneta u l-benesseri tal-umanità, kif ukoll l-importanza ta’ governanza internazzjonali responsabbli.
Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dan il-forum tkompli tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, jiżviluppa l-kapaċitajiet nazzjonali u joħloq opportunitajiet ġodda għall-ġejjieni.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en