L-EMERĠENZA: BIEX INT TINQEDA AĦJAR - INIZJATTIVI ĠODDA
Taqsima Ġdida ta’ Emerġenza għat-Tfal
Se tkun żviluppata taqsima tal-emerġenza tat-tfal fl-Isptar Mater Dei. Din hija waħda mill-miżuri li tħabbru llum mill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi u mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, li għandhom iwasslu biex il-pubbliku jinqeda aħjar mid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-viżjoni tal-Gvern hija li d-Dipartiment tal-Emerġenza jkun aktar effiċjenti fl-istess waqt li jkun assigurat li jkun safe għall-pazjenti.
It-tibdil se jkun jikkonsisti minn tibdil strutturali, fil-layout ġenerali ta’ dan id-dipartiment, it-twaqqif ta’ emerġenza separata għat-tfal, l-introduzzjoni ta’ sistemi li bihom, il-pazjenti ma jdumux jistennew iktar ħin biex jarahom tabib, sistemi li bihom il-pazjenti jiġu riferuti mal-ewwel għal kura speċjalizzata, u l-introduzzjoni ta’ għodod teknoloġiċi għal dawk li jaħdmu f’dan id-dipartiment, biex dawn ikunu jistgħu jaħdmu aħjar.
Il-Ministru Mizzi sostna li l-ħidma fuq dan it-tijib fl-emerġenza hija waħda mill-erba’ prijoritajiet li qed jaħdem fuqhom il-Gvern, flimkien mal-problema tal-mediċini out of stock, ta’ nuqqas ta’ sodod u tal-listi ta’ stennija għall-operazzjonijiet.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari qal li fil-preżent il-kura li tingħata fl-emerġenza hija eċċezzjonali, fejn it-tobba u n-nurses huma dedikati u impenjati li joffru l-aħjar trattament. Huwa għalhekk li dan il-gvern huwa determinat li jtejjeb l-istennija fl-emerġenza.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li fil-preżent, filwaqt li f’ċertu sitwazzjonijiet m’hemmx waiting time, f’ċerti każijiet l-istennija tilħaq tnax-il siegħa. Permezz ta’ implimentazzjoni ta’ sistemi ġodda u użu aħjar ta’ riżorsi fi ħdan id-Dipartiment tal-Emerġenza se nkunu qed nindirizzaw dawn il-problemi.
Chris Fearne spjega kif matul l-aħħar sena, madwar 115-il elf persuna għamlu użu mid-Dipartiment tal-Emerġenza fejn 50% minnhom kellhom bżonn ta’ kura fi kliniċi speċjalizzati, fosthom, tal-ENT, Dental u Opthamology. Ħafna drabi l-ħin ta’ stennija f’dawn il-kliniċi jkun wieħed minimu u għaldaqstant il-pazjent jinqeda b’mod immedjat. Dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn kura fi ħdan id-Dipartiment tal-Emerġenza se jkunu qegħdin jiġu eżaminati minn tobba apposta biex il-ħin ta’ stennija ta’ dawn il-pazjenti jonqos mill-aktar possibli.
Din hija prova ċara tal-impenn tal-gvern biex joffri qabża ’l quddiem fil-kura u fil-kwalità tas-servizz tas-saħħa b’mod li jkun aktar konvenjenti għall-pazjent temm jgħid Chris Fearne.
Other Press Releases:
PR262040en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...
PR262040