DIN IS-SENA L-JUM DINJI TAL-BIODIVERSITÀ JOLQOTNA MILL-VIĊIN: GĦAX JIFFOKA FUQ IL-BIJODIVERSITA' FIL-GŻEJJER
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, Dr Michael Falzon jindirizzaw attività organizzata mill-MEPA fil-Jum Internazzjonali tal-Bijodiversità 2014
Il-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat qal li din is-sena l-Jum Dinji tal-Bijodiversità jolqotna mill-viċin aktar minn qatt qabel għax jiffoka fuq il-bijodiversità fil-gżejjer. Tant li t-tema ewlenija ġġib l-isem ta' ‘Island Biodiversity’.
Huwa magħruf li madwar id-dinja hemm madwar 600 miljun ruħ li jgħixu fi gżejjer u għaldaqstant l-isfidi u l-opportunitajiet għal dawn iċ-ċittadini u l-gżejjer tagħhom huma ferm akbar milli wieħed jista’ qatt ibassar.
Il-Ministru Brincat qal li fil-ħarsien tal-bijodiversità tagħna mhux biss għandna nżommu dejjem ħaj l-interess tal-wirt naturali u kulturali tagħna iżda ukoll l-identità nazzjonali tagħna flimkien ma’ dawk il-fatturi li tant jolqtuna biex jagħmlu minn gżiritna destinazzjoni unika turistika, b'ambjent sostenibbli u b'saħħtu li jkun kapaċi jiġbed lejn xtutna l-investiment, joħloq l-impjiegi u anki jkompli jtejjeb il-livell tal-għejxien taċ-ċittadini kollha.
Il-politika nazzjonali dwar l-ambjent titkellem ċar dwar l-obbligi tagħna lejn il-bijodiversità u ġaladarba din hija politika maqbula bejn iż-żewġ forzi politiċi ewlenin f'pajjiżna d-dmirjiet tagħna huma akbar minn fuq kwalunkwe issue, għax jorbtu lil kull amministrazzjoni jkun min ikun fil-Gvern.
Il-Ministru Brincat tenna li biex niksbu l-miri tagħna jeħtieġ li naħdmu b'mod integrat fi ħdan qafas effettiv strateġiku li joffri ħarsien veru tal-bijodiversità fil-kontenut tal-NBSAP – il-Pjan Nazzjonali ta' Strateġija u ta' Azzjoni.
Kompla billi saħaq li l-Unjoni Ewropea mhux biss faħħret il-kontribut ta’ pajjiżna lejn in-Natura 2000 speċjalment fil-qasam marittimu iżda llum ninsabu kburin li dan l-impenn se jkompli jissaħħaħ permezz tat-tielet ‘Life+ Project’ li nedejna flimkien ftit jiem ilu biss – Life Baħar bil-għan li filwaqt li nħarġu dejjem aktar il-habitats marittimu jiġu identifikati siti Natura 2000 ġodda fl-ibħra ta’ madwarna.
L-Investiment totali ta’ dan il-proġett huwa ta’ €2.6 miljuni li minnu 50% se jiġu mill-Unjoni Ewropea nnifisha.
Il-Ministru Brincat temm billi qal li dan kollu juri li din hija sfida għalina lkoll li minnha jista’ jibbenefika l-pajjiz kollu inklużi l-membri tas-soċjetà ċivili kif ukoll dawk kollha li jagħżlu li jżuruna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, l-avukat Michael Falzon, qal illi x-xogħol li qiegħed isir fuq il-bijodiversità f’Malta huwa vast u jidher illi qed iħalli r-riżultati mixtieqa.
Fil-ġurnata dinjija ddedikata lill-bijodiversità, li hija għada t-22 ta’ Mejju, huwa qal li hu importanti li wieħed ikun konxju u japprezza r-relevanza tax-xogħol li qiegħed isir f’dan ir-rigward.
L-avukat Michael Falzon kompla biex jgħid li l-MEPA kkoordinat diversi proġetti f’dan l-aspett, b’investiment ta’ iktar minn ħames miljun ewro, u anke ħadet sehem fi proġetti oħrajn ko-finanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk il-MEPA kienet ukoll proattiva biex tippromovi l-bijodiversità f’diversi sferi tal-ħajja. Dan wassal biex jiġu organizzati mixjiet kull ġimgħa f’żoni protetti f’Malta, u anke programmi televiżivi.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li l-MEPA tat ukoll kontribut biex iżżid l-għarfien tal-bijodiversità fost il-pubbliku in ġenerali, b’mezzi oħra, bħal surveys; tours għall-pubbliku mingħajr ħlas, fuq il-bijodiversità; fost oħrajn. Dawn l-inizzjattivi wasslu biex tul is-sena 2013, fil-Flash Eurobarometer Survey, fuq it-tema “Attitudes Towards Biodiversity”, Malta rat żieda ta’ 10% fuq ir-riżultati tas-sena 2010. Dawn ir-riżultati pożittivi juru l-frott tal-ħidma li qiegħda tagħmel il-MEPA f’dan l-aspett.
L-avukat Michael Falzon inkoraġixxa lil kulħadd biex nagħrfu naraw u napprezzaw l-importanza tal-bijodiversità, u l-ħidma nazzjonali li qiegħda ssir f’dan l-aspett.
Huwa għalaq billi awgura illi sena oħra f’din l-okkażjoni jkun jista’ jitkellem fuq riżultati aktar pożittivi f’dan il-qasam.
Other Press Releases:
PR262040en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR JUSTICE, RESEARCH AND INNOVATION Malta a...
PR262040