Left arrow Go Back

GVERN SERJU LI MA JIDDEĊIDIX FIL-GĦAMA: FONDI EWROPEJ LI SE JIĠU UŻATI GĦAL STUDJI PROFESSJONALI U INDIPENDENTI DWAR L-ENERĠIJA MILL-ISKART

pr141122
Date Icon 21/05/2014

Konferenza Stampa mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej, Ian Borg

Il-Ministru Leo  Brincat qal li  bil-ħidma konġunta mal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali u grazzi għall-Fondi Ewropej miksuba mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt l-isem ta' Ninvestu fil-Kompetittività għall-Kwalità ta’ Ħajja Aħjar qed titwettaq wegħda oħra li toħroġ mill-Pjan u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Immaniġġar tal-Iskart għas-snin 2014-2020 li llum huma t-tnejn dokumenti approvati mill-Kabinett innifsu.

Il-Ministru Leo Brincat saħaq li filwaqt li ħaddieħor kien ilu sa minn ħafna qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta' qabel dawn li ġejjin, li kkommetta ruħu li jmur għall-inċinerazzjoni u anki għażel bħala sit għall-inċineratur post qrib il-power station ta’ Delimara bħala 'rigal' ieħor għan-nies tan-Nofsinhar in ġenerali u ta' Marsaxlokk in partikolari,  jirriżulta li minkejja dan l-'impenn' ma kienu saru ebda studji serji u fil-fond bħala tħejjija mill-amministrazzjoni l-oħra.

Anzi għall-kuntrarju, kienet inħareġet sejħa għall-offerti biss ftit taż-żmien qabel l-elezzjoni tas-sena l-oħra li mbagħad propju lejliet l-elezzjoni nnifisha nhar it-8 ta' Marzu 2013 kien ġie aġġudikat fejn kulmin tefa’ l-offerta għalih kien ġie skwalifikat.

Il-Ministru Brincat kompla jgħid li b'hekk spiċċajna b'amministrazzjoni kommessa sa minn qabel tmiemha li tmur għall-inċinerazzjoni mingħajr ebda studji serji jew professjonali li lanqas biss kienu għadhom ġew ikkummissjunati.

Il-Ministru Brincat qal li mingħajr ma wieħed jidħol fil-merti tal-każ, dan huwa xhieda ħajja ta' kif ċerti deċiżjonijiet li seta’ kellhom impatt fuq l-enerġija ta' pajjiżna u s-saħħa ambjentali ta' tant cittadini kienu se jittieħdu mingħajr ebda studji serji.

Kien hemm min qal li kien qed jittawwal iż-żmien biex tittieħed deċiżjoni, saħansitra intqal li dan qed isir bi skop u apposta biex jiġi rkuprat iż-żmien. Minkejja dan kollu l-istudji li qed nitkellmu dwaru illum huma turija ċara ta kif dan il-Gvern imexxi b'mod differenti u b'mod meqjus u professjonali dan sabiex isiru għażliet ġusti, xierqa u meqjusa.

Il-Ministru Leo Brincat qal li min-naħa hemm dan l-istudju, li għalih it-total project cost huwa kważi miljun ewro, filwaqt li fl-istess ħin għadejjin studji u l-ħsieb hu li  jitniedu studji oħrajn anki bl-għajnuna ta' esperti barranin indipendenti dwar jekk jaqblilx li mmorru għall-esportazzjoni tal-iskart miflok għall-inċinerazzjoni jew xi tip ieħor ta’ teknoloġija moderna.

Il-Ministru Brincat tenna li la jkollu l-istudji kollha f'idejh, il-Gvern mhux se jiddejjaq xejn li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa wara konsultazzjoni serja u xierqa, iżda ma għandu l-ebda ħsieb li jagħmel dan fil-għama.

Dan speċjalment meta min-naħa t-teknoloġija qiegħda dejjem tavvanza, l-istudji ambjentali qegħdin dejjem isiru aktar professjonali, u anki meta l-esportazzjoni tal-iskart jista’ jkun li saret xi ħaġa  aktar fattibbli minn qabel minħabba li hemm ħafna inċineraturi fl-Ewropa li tant ma għandhomx skart biżżejjed x'jaħarqu, li kellhom ibaxxu l-prezzijiet tagħhom biex jibqgħu joperaw b'mod li jagħmel sens ekonomiku, billi qiegħdin saħħansitra jimpurtaw l-iskart minn pajjiżi oħrajn; fosthom minn ħafna pajjiżi madwarna u qribna, temm jgħid il-Ministru Brincat.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej, Ian Borg qal li matul il-programm finanzjarju 2014-2020 kif diġà tħabbar aktar kmieni waqt it-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-programmi operattivi, l-Gvern ser jalloka €200 miljun mill-Fondi ta’ Koeżjoni u Fondi Strutturali għal proġetti favur l-ambjent.

B’dawn il-Gvern se jkompli jinvesti aktar fit-trattament tal-iskart, fit-trattament u l-konservazzjoni  tal-ilma, fil-konservazzjoni tal-widien, kif ukoll f’aktar skemi li jippromwovu ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa.

Dr Borg kompla jgħid li l-proġett li qed jiġi varat illum qed  jiġi ffinanzjat minn madwar €900,000 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2007-2013.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI   Malta tavvanza l-ħidma għal qafas legali li jirregola l-attivitajiet spazjali

PR262040

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

More Press Releases Right arrow