IL-MINISTRU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETÀ SOĊJALI MICHAEL FARRUGIA INDIRIZZA KONFERENZA FUQ MINURI REFUĠJATI MHUX AKKUMPANJATI MINN ADULTI
Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, attenda għall-konferenza li ġiet organizzata mill-assoċjazzjoni NOHA flimkien mal-Università ta’ Malta dwar il-minuri refuġjati mhux akkumpanjati minn adulti.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Michael Farrugia tkellem dwar xi minuri li jitpoġġew f’ċentri mal-kumplament tal-immigranti adulti u li dan jista’ jwassal għal abbuż. Huwa qal li huwa inkwetanti xi jsir minn dawk it-tfal li jirnexxilhom jaslu sa xtutna, iżda aktar għal dawk li ma jirnexxilhomx u jispiċċaw imutu fl-ibħra tagħna
Huwa sostna li m’għandniex inħarsu lejn dawn il-minuri bħala numri iżda bħala umani kif wkoll biex inġibu quddiem għajnejna l-periklu li jaffaċċjaw tul il-vjaġġ tagħhom sakemm jaslu Malta. Qal wkoll li dan il-vjaġġ li jkun organizzat minn ħafna qabel ma jaslu pajjiżna jiswielhom ukoll bosta flus, saġrifiċċji u riskji, filwaqt li jiġu abbużati b’kull mod minn traffikanti kriminali tal-bnedmin.
Il-Ministru Farrugia semma l-problema trawmantika li dawn il-minuri jgħaddu minnha u aħna għandna l-obbligu legali li dawn jinżammu taħt osservazzjoni minn adulti li jħarsu l-interessi tagħhom. Barra minn hekk, il-Gvern għandu r-responsabbiltà tal-care orders biex jara li dawn jgħixu fl-ahjar ambjent, li jieħdu l-edukazzjoni neċessarja kif wkoll jieħu ħsieb is-saħħa tagħhom.
Huwa tkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-Mediterran u wera d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-pajjiż ġirien tagħna, il-Libja, baqa’ għaddej minn żminijiet diffiċli. Il-Ministru sostna li l-instabbilità fil-Libja tista’ twassal għal aktar immigranti irregolari jaslu lejn pajjiżna. Iżda qal ukoll li din hija problema waħda biss, għaliex il-preokkupazzjoni tagħna tibqa’ iffukata fuq il-fatt illi kieku dawn in-nies m’għandhomx sitwazzjoni prekarja u instabbli f’pajjiżhom, kieku ma jkollhomx għalfejn jagħmlu dak il-vjaġġ perikoluż biex jaħarbu lejn pajjiżi oħrajn.
Il-Ministru kompla id-diskors tiegħu billi enfasizza fuq l-importanza tal-Burden Sharing mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej kif wkoll il-possibbiltà ta’ immigrazzjoni organizzata u dawn in-nies jieqfu jipperikolaw il-ħajja tagħhom.
Il-Ministru Farrugia kkonkluda billi rrefera għall-Abbozz ta’ liġi rigward il-care orders u li jolqot ukoll lil minuri mhux akkumpanjati u li se jkun qed jiġi diskuss fil-Parlament. Huwa stieden lil NGO’s u lil kulħadd biex jekk għandhom xi suġġerimenti għal xi emendi, jistgħu jressquhom lill-Gvern sabiex jiġu kkunsidrati.
Other Press Releases:
PR262040
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...
PR262039