MALTA U L-ITALJA F’LAQGĦA BILATERALI DWAR IL-PRESIDENZA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Is-Segretarju Parlamentari Dr Ian Borg dalgħodu kellu laqgħa f’Ruma ma’ Sandro Gozi Sotto Segretarju tal-istat Taljan fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dr Borg u s-Sur Gozi ddiskutew il-preparattivi għall-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ser tibda f’Lulju li ġej, kif ukoll il-preparattivi għall-Presidenza ta’ Malta fil-bidu tal-2017.
Is-Sur Gozi spjega li l-prioritajiet tal-Italja matul il-presidenza tagħha jinkludu ènfasi fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-azzjoni li trid tittieħed fil-livell ewropew biex tissaħħaħ l-azzjoni komuni fuq aspetti li għadhom x’jaqsmu ma’ politika komuni tal-Azil, mal-ġlieda kontra t-traffikar illegali, u mal-koperazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ fuq.
Dr Borg tkellem fuq il-ħidma ta’ Malta fuq dan is-suġġett u l-impenn tagħna li nkomplu nikkoperaw mal-Presidenza Griega u dik Taljana biex tissaħħaħ l-azzjoni komuni ewropea fuq l-immigrazzjoni.
Dr Borg u s-Sur Gozi disskutew il-mod kif Malta u l-Italja jkomplu jaħdmu flimkien fuq aspetti oħra tal-koperazzjoni fil-Mediterran inklużi l-koperazzjoni fuq l-enerġija.
Ġew diskussi wkoll aspetti oħra tal-ħajja ewropea speċjalment il-prioritajiet ġodda li ser jiġu mfassla wara li jiġu eletti Parlament Ewropew u Kummissjoni Ewropea ġodda aktar tard din is-sena.
Dr Borg u s-Sur Gozi qablu li matul il-Presidenza Taljana uffiċjali Maltin jiġu sekondati mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Taljan biex isegwi aktar fil-qrib ix-xogħol ta’ din il-Presidenza speċjalment fuq dawk l-aspetti li għadhom x’jaqsmu mal-koperazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran.
Other Press Releases:
PR262040
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...
PR262039