FONDI EWROPEJ BIEX IL-PIXXINA NAZZJONALI TKUN AKTAR SOSTENIBBLI
Huwa importanti li tinvesti fl-infrastruttura u fil-faċilitajiet pero huwa għaqli li jkollok pjan ta’ kif dawn ser joperaw mingħajr piż finanzjarju fuq is-soċjeta. Bil-proġett varat illum se nkunu qed inwettqu wegħda elettorali oħra li nkunu qed nirriġeneraw il-kumpless tal-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq li sfortunatament tħalliet fi stat dilapitat. B’dan il-proġett se nkunu qed niffrankaw ammont ta’ flus li jista’ jerġa jkun investit fil-manutenzjoni tal-pixxina. Dan qalu llum is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-pixxina nazzjonali Tal-Qroqq.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar wkoll li l-KMS wasal fl-aħħar fażi tan-negozjati mal-ASA dwar l-użu tal-pixxina minn timijiet tal-waterpolo u atleti affiljati mal-ASA. Dan wara li fil-passat għal 13-il sena, ma kienx hemm ftehim bil-miktub dwar l-użu tal-pixxina.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej Dr Ian Borg min-naħa tiegħu tkellem fuq l-aċċess għall-Fondi Ewropej minn għaqdiet sportivi. Huwa qal li l-aċċess għal dawn l-għaqdiet huwa diffiċli għaliex l-isport mhuwiex ikkunsidrat bħala prijorità mill-Unjoni Ewropea fejn jidħol finanzjament Ewropew.
Għaldaqstant fl-indirizz tiegħu Dr Borg ħeġġeġ lill-amministraturi tal-għaqdiet sportivi biex meta jippreżentaw xi applikazzjoni għal xi fond ewropej fis-seba’ snin li ġejjin jabbinawha ma’ waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea bħalma għamel il-Kunsill Malti għall-isport f’dan il-proġett fejn qed jinvesti f’ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva.
Fil-fatt Dr Borg tenna li bejn l-2014 u l-2020 l-ammont ta’ fondi li ħa jkunu allokati għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa jammonta għal madwar €60 miljun.
Ic-chairman tal-Kunsill Malti għall-iSport Dr. Luciano Busuttil, tenna li permezz ta’ dan il-proġett il-Kunsill Malti għall-Isport se jkun qiegħed jiffranka madwar 200,000 ewro fis-sena fi fuel. Din tibqa’ l-akbar spiża fl-operat tal-Pixxina Nazzjonali. Huwa kompla jgħid li se jitnaqqas madwar 268,000 kilogramm ta’ CO2. Huwa temm jgħid li dawn il-miżuri mhux biss huma sors t’enerġija alternattiva imma l-Kunsill Malti għall-Isport fl-aħħar mill-aħħar ikun qed jagħmel ‘aktar b’inqas spejjeż’.
Il-facility manager Dermot Galea elenka l-erbgħa fażijiet tal-proġett:
1. L-installazzjoni ta’ żewġ heat pumps għall-pool prinċipali u għad-diving pool li ser jiġu użati minflok is-sistema ta’ boiler preżenti;
2. L-installazzjoni ta’ Variable Refrigerant Flow airconditioning system għall-West Stand fejn jinsabu l-uffiċini.
3. L-installazzjoni ta’ solar collectors li ser jiġu użati biex jissaħħan l-ilma tax-showers fil-kumpless.
4. U fl-aħħar l-installazzjoni ta’ pool covers għall-main pool u għad-diving pool.
Other Press Releases:
PR262040
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...
PR262039