IL-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX ANTON REFALO ĦABBAR UFFIĊJALMENT X-XOGĦLIJIET LI SE JIBDEW FIL-HOUSING ESTATE TAĊ-ĊAWLA
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ħabbar uffiċjalment x-xogħlijiet li se jibdew fil-housing estate taċ-Ċawla. Ix-xogħol mistenni jibda dan ix-xahar stess u jitlesta fis-sajf.
F’dan il-housing estate, dan ser ikun t-tieni proġett għal din s-sena, hekk kif fi Frar kien sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni. Fi ħdan dan il-proġett, 265 panella ser jiġu installati fuq il-bjut tal-apartamenti tal-housing estate ġewwa taċ-Ċawla. B’kollox dawn il-panelli huma stmati li se jiġġeneraw madwar 104,000 unit tal-elettriku f’sena, li huma ekwivalenti għall-konsum ta’ 28 familja. Dan il-proġett se jikkontribwixxi bi sħiħ għall-viżjoni ta’ Eko-Għawdex għax se jkun qed jagħti kontribut ambjentali fid-dimensjoni soċjali, peress li numru ta’ familji se jibbenefikaw minn din l-enerġija rinovabli. Għalhekk, dan il-proġett barra li se jkompli jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawn ir-residenti, se jkun ukoll mezz ta’ edukazzjoni fuq l-użu bil-għalaq tal-enerġija.
Il-Ministru Anton Refalo qal li mill-bidu nett ta’ din il-legislatura il-gvern ħass l-bzonn li jingħata sinjal ta’ rinaxximent fil-politika fejn jidħlu l-housing estates. Dawn il-panelli ser jitwaħħlu bil-ghan li r-residenti jitħaffillhom il-piz tal-kontijiet tad-dawl u b’hekk huma ukoll ikunu qegħdin igawdu minn kontijiet orħos. Dan il-progett ser jiswa 266,674 Ewro u ser jiġi ffinanzjat minn fondi Ewropej.
Bħala parti mix-xogħlijiet hemm bzonn manutenzjoni fuq il-bjut fejn fost l-oħrajn se isiru xogħlijiet ta’ konkrete, membrane u installazjoni mill-ġdid relatati mas-servizzi tal-ilma u dawl. Il-Ministru t’Għawdex irringrazzja lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta` Soċjali Dr MichaelFarrugia, tal-koperazzjoni u tal-fondi biex ser ikunu jistgħu isiru dawn ix-xoghlijiet fuq il-bjut li jammontaw għal 32,000 Ewro.
Il-Ministru għal Għawdex wiegħed il-gvern ser jibqa’ komess li jtejjeb l-infrastruttura fil-housing estates tal-gvern biex verament inkomplu ngħollu l-livell tal-għajxien tar-residenti li jgħixu fil-housing estates. Dan huwa progett ieħor li jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibilita’ ambjentali filwaqt li jindirizza l-bżonnijiet soċio-ekonomiċi tar-residenti ta’ din il-housing estate.
Other Press Releases:
PR262040
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...
PR262039