DIKJARAZZJONI TAL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN DWAR RAPPORTI LI DEHRU FIL-MEDIA
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin b’reazzjoni għar-rapporti li qegħdin jidhru fil-media lokali, irid jispeċifika dan li ġej.
Huwa fatt li sa minn mindu assuma r-responsabbilità dan il-gvern, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kien qiegħed jirċievi ammont ta’ rapporti u informazzjoni dwar kif kienu qegħdin jitmexxew l-affarijiet fl-Ambaxxata ta’ Tripli, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħruġ tal-viżi.
Irid jingħad li fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn ir-rapporti kienu konfliġġenti u minnhom wieħed ma setgħax jasal għal ebda deċiżjoni konklussiva dwar dak li seta’ kien sejjer ħażin, jew dwar min kien responsabbli.
L-istaff tal-ambaxxata, kif ukoll l-ambaxxatur, kienu dawk li kien hemm fl-amministrazzjoni ta’ qabel. Filwaqt li kien ikkonċernat, l-ambaxxatur ta’ dak iż-żmien, bniedem ta’ esperjenza, maturità u integrità assoluta, qatt ma għamel rapporti speċifiċi jew indika persuni partikolari.
L-ambjent li fih taħdem l-ambaxxata Maltija fi Tripli, u b’mod partikolari l-konsolat, li huwa responsabbli għal ħruġ ta’ mijiet ta’ viżi kuljum, m’huwiex wieħed sabiħ mil-lat ta’ sigurtà fil-pajjiż, u l-pressjoni tal-Libjani li jridu l-viża biex joħorġu minn pajjiżhom.
Huwa fatt magħruf li xhur ilu l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kellu jġib b’urġenza lill-uffiċjal li kellu f’Benghazi li kien responsabbli għal ħruġ tal-viżi minħabba theddida serja li kellu fuq ħajtu, konnessa mal-qadi tad-dmirijiet tiegħu fil-konsolat.
Matul ix-xhur, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, flimkien mal-Ministeru għall-Intern u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kellhom diversi laqgħat mal-uffiċjali direttament responsabbli mill-konsolat ta’ Tripli, kemm biex jiġi analizzat il-proċess tal-ħruġ tal-viżi, kif ukoll biex tintlaħaq aktar effiċjenza u trasparenza, u tiġi sodisfatta t-talba dejjem tiżdiet ta’ ħruġ ta’ viżi liċ-ċittadini Libjani.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jaf li fil-passat kien hemm okkażjonijiet fejn uffiċjali Maltin mill-konsolat ta’ Tripli tkellmu ma’ uffiċjali tal-pulizija.
Irid jingħad ukoll li wara għadd ta’ rapporti konfliġġenti riċenti, u allegazzjonijiet li saru minn kwartieri differenti, kien il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin stess li ddeċieda li jitlob lill-pulizija jinvestigaw dak li allegatament kien għaddej.
Il-Ministeru huwa infurmat li l-pulizija qegħdin jieħdu azzjoni u infurmat ukoll li kienu qegħdin jitkellmu mal-uffiċjal prinċipali responsabbli mill-ħrug tal-viżi fil-konsolat ta’ Tripli.
Il-Ministeru, kif mistenni, la kkomunika mal-pulizija u lanqas mal-uffiċjal involut, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dak li kien għaddej fil-laqgħat mal-pulizija.
Minkejja r-rapporti fil-media, sal-lum il-Ministeru la huwa infurmat dwar il-kontenut ta’ dawn il-laqgħat, la huwa infurmat dwar xi akkużi li setgħu saru jew li se jsiru, u lanqas huwa infurmat dwar xi deċizjonijiet li setgħu ittieħdu mill-pulizija.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għalhekk m’huwiex f’pożizzjoni li jikkumenta dwar dak li qiegħed jidher fil-media fil-konfront ta’ ċertu persuni, iktar minn dak li ġie spjegat hawn fuq.
Irid jingħad li uffiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fil-ġranet li għaddew kienu Tripli, biex jissorveljaw il-ġbir u l-issiġillar ta’ dokumenti li se jinġiebu Malta biex jintużaw għall-istħarriġ li qed isir dwar il-mod kif jaħdem il-konsolat ta’ Malta fi Tripli. Fejn ikun hemm bżonn, il-Ministeru lest li jieħu l-azzjoni amministrattiva li għandu jieħu.
Meta jkun hemm xi forma ta’ rapport min-naħa tal-pulizija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jieħu dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa, u jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jistgħu jsiru.
Other Press Releases:
PR262040
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L- INNOVAZZJONI Ma...
PR262039