Left arrow Go Back

“ĦIDMA B’SAĦĦITHA KONTRA L-KORRUZZJONI F’PAJJIŻNA”

pr2655
Date Icon 23/11/2013

Il-Gvern innota b’sodisfazzjon li studju tal-Eurobarometer ikkonkluda li 58 fil-mija tal-poplu Malti jemmen li l-Gvern qiegħed jaħdem biex jiġġieled il-korruzzjoni f’pajjiżna.  Dan effettivament ipoġġi lil pajjiżna fost ta’ quddiem fl-Unjoni Ewropea.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Malta aktar ġusta, Malta aktar b’saħħitha” is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar li l-Gvern qiegħed jikkonsidra t-twaqqif ta’ Maġistrat Ewlieni ta’ Indaġini li jkollu r-rwol li jmexxi tim ta’ Maġistrati Inkwerenti u esperti forensiċi li jinvestigaw reati serji bil-garanziji Kostituzzjonali ta’ indipendenza u imparzjalità.

Dr Bonnici sostna li dan huwa pass ieħor f’lista ta’ passi li l-Gvern diġà ħa f’dan ir-rigward fosthom bil-Liġi tal-Whistleblower, il-Liġi li neħħiet il-Preskrizzjoni fuq Reati ta’ Korruzzjoni magħmula minn Politiċi u x-xogħol li għaddej dwar liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti, liema suġġett se jitqiegħed għad-diskussjoni pubblika.

Is-Segretarju Parlamentari rrefera għall-ħidma importanti tal-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja mmexxija mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello u sostna li fl-aħħar tax-xahar mistenni jiġi ppubblikat ir-rapport finali tagħha fejn wara l-pubblikazzjoni tar-rapport il-Gvern jibda l-istadju ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u implimentazzjoni.  

Huwa ħabbar ukoll li wara s-suċċess tal-inizjattiva li biha avukati fil-kamp ċivili jiġu avżati b’sms f’każ ta’ differiment f’kawża, b’effett mill-1 ta’ Jannar li ġej din l-inizjattiva se tiġi estiża wkoll għan-nies li attwalment għandhom il-kawża.

 Dr Bonnici qal li l-Gvern qed iħares lejn l-Informatika, titjib fis-servizz ta’ notifiki, ameljorament tal-proċeduri legali u l-investiment fir-riżorsi umani bħala l-iktar pedamenti importanti għal Riforma effiċjenti fil-Qasam tal-Ġustizzja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

PR262038

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

More Press Releases Right arrow