MALTA SE TIRRATIFIKA L-KONVENZJONI TA’ ISTANBUL
Waqt konferenza dwar l-istupru fuq in-nisa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli qalet li l-Gvern se jkun qed jirratifika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
Din il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa hija immirata biex tingħeleb il-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.
Dott. Dalli qalet li din il-Konvenzjoni hija mibnija fuq il-premessa li l-vjolenza kontra n-nisa ma tistax tingħeleb mingħajr investiment fl-ugwaljanza bejn is-sessi.
Fost l-isfidi li bħala soċjeta` għandna niffaċċjaw hemm in-nuqqas ta’ statistika reali f’dan il-qasam. Filfatt dan huwa fenomenu fl-Ewropa kollha, fejn il-vittmi ma jirrapurtawx każijiet ta’ stupru minħabba diversi raġunijiet.
Dott. Dalli qalet li r-raġunijiet ivarjaw minn biża mill-aggressur għal nuqqas ta’ fiduċja f’min jinfurza l-liġi, u mill-fatt li l-vittmi ma jkunux iridu jtawwlu t-trawma peress li ħafna minnhom ikollhom konnessjoni mill-qrib mal-aggressur. Filfatt ħafna mill-każijiet ta’ stupru jseħħu meta żewġ persuni jkunu f’relazzjoni intima ma’ xulxin.
Il-Ministru Dalli qalet li l-enfasi għandha tkun fuq il-prevenzjoni. Apparti t-tisħieħ tal-liġijiet eżistenti, bħar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, hemm bżonn ta’ ħafna iżjed enfasi fuq l-edukazzjoni. L-edukazzjoni hi ċ-ċavetta biex kulħadd ikun jaf x’inhuma d-drittijiet tiegħu u jitgħallem dwar ir-rispett reċiproku li jrid ikun hemm bejn tnejn minn nies f’relazzjoni. Hija tkellmet fuq il-konnessjoni bejn il-pornografija u l-istupru u qalet li hemm bżonn ta’ aktar tagħlim dwar dan. Il-Ministru Dalli qalet li t-tibdil fil-mentalita` huwa essenzjali minħabba l-perċezzjoni preġudikata tal-pubbliku li xi drabi jitfa’ t-tort fuq il-mara li ġiet abbużata. Dan huwa ħażin għax l-ebda forma ta’ vjolenza m’għandha tkun ġustifikata.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern, anke` permezz tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Kamra, se jkun qed jikkonsulta mal-imsieħba konċernati kollha, inkluż ma’ diversi professjonisti u esperti, biex id-definizzjoni ta’ stupru titwessa’ u l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tkun ratifikata.
Il-Ministru Dalli kienet qed titkellem waqt konferenza tal-Malta Confederation of Women’s Organisations fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa.
Other Press Releases:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038