GĦOMOR ITWAL PRODUTTIV U B’DINJITÀ
Illum, fil-Berġa ta’ Kastilja, tnediet il-Politika Nazzjonali Strateġika għal Anzjanità Attiva.
Din il-politika nazzjonali strateġika għal anzjanità attiva hija bbażata fuq il-parteċipazzjoni attiva ta’ persuni anzjani fis-suq tax-xogħol, fil-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-soċjetà u fuq ħajja indipendenti.
Matul id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li sal-lum dan is-settur ma konniex qed inħarsu lejh mil-lat ħolistiku. Għaldaqstant, b’mod konxju, il-Gvern ħa d-deċiżjoni strateġika li l-qasam tal-anzjani ma jibqax jaqa’ taħt il-Ministeru tas-Saħħa għax jemmen li dak li għandu x’jaqsam ma’ anzjanità attiva jitraxxendi l-kura medika.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-għadd ta’ anzjani li jgħixu ħajja b’saħħitha se jkompli jiżdied u dan imur lil hinn mill-kura tas-saħħa u jġib miegħu bżonnijiet iktar differenti. Il-life expectancy, minkejja li hija sinjal ta’ avvanzi fil-qasam mediku, qed tiżdied u għaldaqstant hija sfida ġdida li l-ebda pajjiż għadu qatt ma ffaċċja qabel. Il-Prim Ministru qal li llum il-pajjiż jinsab f’qalba storika oħra fejn persuna anzjana m’għadhiex tfisser persuna rtirata. Li persuna tikber fl-età ma jfissirx li mxiet pass lura mid-dinja tax-xogħol jew mill-ħajja attiva. Teħtieg qalba kulturali kbira sabiex ikun hemm l-istrutturi sabiex ilaħħqu magħha.
L-għan tal-Gvern, permezz ta’ din l-istrateġija huwa anzjanità attiva li twassal u teħtieġ koeżjoni soċjali, inklużjoni u parteċipazzjoni tal-anzjani. Il-Gvern mhus se jikkuntenta b’soluzzjonijiet tekniċi biss imma trid issir ħidma sabiex ikollna soċjetà iktar ġusta bbażata fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali. Parti minnn dawn il-prinċipji hija t-tneħħija tad-diskriminazzjoni. Dan jeħtieġ iktar kollaborazzjoni interġenerazzjonali.
Se jkun hemm resistenzi iżda biex tgħaqqad il-bżonn tal-anzjanità iktar attiva u diffikultajiet oħra soċjali, bħalma huwa l-qgħad fost iż-żgħażagħ, minkejja li r-rata ta’ qgħad fil-pajjiż qed dejjem tonqos u hija waħda sostenibbli, hemm bżonn tkabbir fl-ekonomija. Sabiex l-istrateġija tiġi f’postha u jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ, jeħtieġ strateġiji ekonomiċi innovattivi biex iwasslu għal iktar ġid fis-soċjetà u jinħolqu iktar postijiet tax-xogħol.
Id-dokument m’għandux jibqa’ biss kliem miktubin iżda l-Prim Ministru qal li issa l-istrateġija jmiss li tidħol fil-fażi kruċjali – dik tal-implimentazzjoni tagħha, speċjalment ta’ dawk il-punti l-iktar urġenti u li hemm bżonn biex is-suq tal-kura residenzjali jkun regolat aħjar; li jkun hemm ċertu standards pubbliċi, il-mod kif dawn ikunu amministrati. Biex verament ikollna anzjanità attiva, għandna nħarsu lejn il-possibiltà li l-anzjani residenti f’dawn id-djar jkollhom sehem attiv fit-tmexxija tagħhom. L-isfida li jmiss hija l-governance tad-djar tal-anzjani.
Għal din l-okkazzjoni attendew il-Ministru Marie Louise Coleiro Preca u s-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca u membri tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Anzjanità Attiva.
Other Press Releases:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038