INAWGURAT ID-DAWL DEKORATTIV TAL-MILIED FI TRIQ IR-REPUBBLIKA U TRIQ IL-MERKANTI
Il-Ġimgħa filgħaxija l-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr. Chris Cardona inawgura d-dawl dekorattiv tal-Milied fi Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti. Fiż-żewġ okkażżjonijiet il-Ministru Cardona xegħel simbolikament id-dawl dekorattiv u awgura lis-sidien tal-ħwienet kull suċċess.
Il-Ministru Cardona qal li aktar ma nersqu lejn il-Milied aktar huwa mistenni li jibda x-xiri tar-rigali tal-Milied u awgura li din is-sena l-attivita` kummerċjali tirranka kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xiri ta’ prodotti kif ukoll servizzi.
Dr. Chris Cardona qal li n-negozji żgħar kif ukoll dawk medji huma fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern. Semma l-ħidma li qed issir fuq l-liġi dwar in-negozji tal-familja kif ukoll id-diversi miżuri mħabbra fil-budget intiżi biex ikomplu jgħinu lin-negozju.
Semma l-problema serja ta’ nuqqas ta’ parkeġġ li hemm fil-Belt Valletta. Qal li l-Gvern beda jirrimedja ftit is-sitwazzjoni billi ħabbar tibdil fil-ħinijiet u l-kundizzjonijiet tas-CVA, fejn minn Diċembru d-dħul fil-Belt Valletta se jsir b’xejn wara s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar matul il-Ġimgħa, kif ukoll is-Sibt il-ġurnata kollha.
“Dan aħna għamilnieh biex nagħtu spinta lin-negozju fil-Belt. L-impenn tagħna li nindirizzaw il-problema tal-parkeġġ se jkompli jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ espressjoni ta’ interess għal parkeġġ fil-Belt Valletta” sostna il-Ministru Cardona. Huwa semma wkoll il-White Paper dwar it-tibdil fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet li se tkun diskussa mal-istakeholders kollha, inkluż is-sidien tal-ħwienet.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar qal li l-Budget preżentat se jkun qed jagħti spinta l-attivita` ekonomika għaliex se jħalli aktar flus fil-bwiet tal-familji. Dan filwaqt li semma t-traħħis fil-kontijiet tad-dawl, l-istabbilita’ fil-prezzijiet tal-petrol, diesel u gass u t-tnaqqis fl-income tax. “Finalment jien nawguralkom kull suċċess ħalli tkunu f’pożizzjoni li tkompli tinvestu, tikbru u ssaħħu l-ekonomija Maltija” temm jgħid il-Ministru Cardona lis-sidien tal-ħwienet preżenti.
Other Press Releases:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038