IL-MINISTRU LEO BRINCAT JAPPELLA BIEX SAL-2015 IL-PAJJIŻI FI ĦDAN IL-ĠNUS MAGĦQUDA JASLU GĦALL-FTEHIM LI JORBOT LEGALMENT DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA
F’Varsavja, l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat indirizza s-sessjoni plenarja tal-konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima.
Filwaqt li rrefera għal dak li qalet nhar it-Tlieta li għadda l-Kummissarju Ewropew Connie Hedegaard, li t-thedid impost mit-tibdil fil-klima spiċċa fiċ-ċentru ta’ dibattiti dwar l-ekonomija, il-Ministru Brincat qal li rridu nibagħtu sinjal ċar li l-komunità internazzjonali verament trid tindirizza l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u li qegħdin fit-triq it-tajba f’dawk li huma miżuri biex nindirizzaw din il-problema.
Qal li l-konklużjonijiet li ħarġu mill-grupp ta’ ħidma tal-IPCC kif ukoll l-aħħar traġedja li laqtet il-Filippini aktar minn qatt qabel iżidu l-urġenza li l-komunità internazzjonali tindirizza l-isfida tat-tibdil fil-klima fuq skala globali.
Huwa rrefera wkoll għal traġedji umani li kellna tul din is-sena fil-Mediterran marbuta mal-immigrazzjoni u kif hemm biża’ li dawn ikomplu jeskalaw minħabba li t-tibdil fil-klima qed jaffettwa fuq skala akbar l-aktar reġjuni vulnerabbli.
Il-Ministru Brincat fakkar kif din is-sena jaħbat il-ħamsa u għoxrin anniversarju minn mindu pajjiżna permezz ta’ riżoluzzjoni rnexxilu jpoġġi fuq l-aġenda tal-Ġnus Magħquda l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Brincat qal hekk, “ Irridu nikkommettu ruħna biex sal-2015 naslu għall-ftehim li jorbot legalment lill-pajjiżi kollha fi ħdan il-Ġnus Magħquda u li japplika għal kulħadd, biex nassiguraw tmexxija tajba f’qasam li huwa ta’ theddida għall-bniedem. Ma fadalx aktar żmien għat-tkaxkir tas-saqajn”.
Huwa appella biex l-eżitu minn din il-konferenza jpoġġi lill-pajjiżi kollha fit-triq it-tajba biex naslu għal dan il-ftehim.
Il-Ministru Leo Brincat reġa’ tenna l-impenn tal-Gvern Malti għal żvilupp sostenibbli. Qal li Malta tirrikonoxxi li ċ-ċavetta għall-azzjoni fuq il-klima hija li jkun hemm tmexxija aħjar u li tinħoloq sinerġija bejn is-setturi.
Spjega li Malta bħal ma għamlu stati membri oħra diġa’ bdiet timplimenta l-obbligi li għandha għat-tnaqqis fl-emissjonijiet serra skont l-Emendi tal-Protokoll ta’ Kyoto. Qal li l-Gvern Malti huwa kommess li jeqleb għal sorsi ta’ enerġija nadifa u li preżentament għaddej il-proċess biex titfassal strateġija dwar l-Ekonomija l-Ħadra.
Intant, il-Ministru Leo Brincat kien ukoll mistieden mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Unjoni għall-Mediterran bħala l-uniku Ministru mill-Unjoni Ewropea biex jindirizza seminar dwar l-isfidi għat-tibdil fil-klima fil-Mediterran u lir-rwol tal-Unjoni għall-Mediterran f’dan il-kuntest.
Hawnhekk il-Ministru Brincat f’isem il-Gvern Malti appoġġja proposta li saret biex fl-2014 titella’ konferenza tal-Ministri tal-Unjoni għall-Mediterran li tiffoka fuq it-tibdil fil-klima.
Huwa kellu wkoll numru ta’ taħdidiet bilaterali ma’ Kapijiet ta’ diversi delegazzjonijiet governattivi u indirizza wkoll laqgħa tal-Ministri responsabbli mit-tibdil fil-klima fl-Unjoni Ewropea.
pr2601 - Minister's Speech.pdf
Other Press Releases:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038