20 SENA KUNSILLI LOKALI - IL-PASS NATURALI LI JMISS
Illum is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Kunsilli Lokali ppreżenta l-ewwel qari dwar l-emenda biex żgħażagż ta’ 16 –il sena jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Jose’ Herrera qal li dan kien pass storiku f’jum importanti ghall-Kunsilli Lokali li illum immarkaw l-għeluq l-20 sena mit-twelid tagħhom.
L-emenda kienet issekondata mis-shadow minister ghall-Kunsilli Lokali David Aguis.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-20 anniversarju
Iċ-ċelebrazzjoni tal-20 anniversarju bdiet permezz ta’ diskussjoni fis-Sala tal-Arazzi l-Parlament, fil-Belt Valletta. F’din id-diskussjoni, li tmexxiet mill-ispeaker tal-Kamra Dr Anglu Farrugia, ħadu sehem is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera, il-Kelliem tal-Oppozizzjoni David Aguis, deputati parlamentari, membri tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ Vot 16, Sindki u Ambaxxaturi Lokali. Isegwi din id-diskussjoni, l-ambaxxaturi lokali flimkien mas-sindki u s-Segretarji Parlamentari ffirmaw l-aċċetazzjoni tal-ambaxxaturi lokali u wara segwew lill-ispeaker fil-kamra tad-deputati. Hemmhekk is-Segretarju Parlamentari preżenta l-ewwel qari tal-emenda u flimkien mal-ispeaker tal-kamra u l-Onor. David Aguis għamlu diskors qasir fl-okkażżjoni ta’ din il-ligi storika.
B’kollox mas-60 ambaxxatur lokali ffirmaw l-aċċcetazzjoni u li permezz taghħa ser jingħataw il-privileġġ li jpoġġu mal-mejda tal-kunsill ħalli jwasslu l-vuċi ta’ żgħażagħ bħalhom li għandhom bejn 16 u 18 –il sena. L-ambaxxaturi lokali huma maqsuma bejn 33 ġuvni u 27 tfajla. Il-maġġoranza tal-ambaxxaturi li ser iservu fil-kunsilli lokali tagħna huma studenti.
20 Sena Kunsilli Lokali: Il-Pass Naturi li jmiss
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-okkażżjoni tal-lum hija waħda storika għaliex issa Malta saret t-tieni pajjiż tal-Unjoni Ewropea li tat id-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ 16 –il sena. Fakkar li dan kellu jkun ir-rigal ta’ din l-amministrazzjoni lill-Kunsilli Lokali fl-okkażżjoni tal-20 anniversarju tagħhom. Qal li din kienet il-wegħda tiegħu fl-ewwel okkażżjoni tiegħu bhala segretarju parlamentari u llum bi pjair qed jaraha tigi mmaterjalizzata.
Tenna li bl-okkażżjoni tal-lum, l-pajjiż qed jikteb paġna ġdida fl-istorja ta’ pajjiżna. “Wara 20 sena ta’ ħidma mill-kunsilli lokali, illum qed nagħtu sinjal ċar ta’ fiduċja fil-kunsilli tagħna”, tenna s-Segretarju Parlamentari. “Dak li ser inkunu qegħdin nagħmlu jfisser demm ġdid lill-kunsilli lokali u lid-demokrazija f’pajjiżna”, saħaq is-Segretarju Parlamentari. Huwa appella liż-żgħażagħ biex isemmgħu leħnihom u jkunu parteċipi f’dan il-mument storiku. “Semmgħu il-kritika tagħkom, il-ħsibijiet tagħkom u l-vuċi tagħkom. Dan huwa Gvern li jemmen fiż-żgħażagħ u bid-deċiżjoni storika fl-20 anniversarju l-Gvern qed jibgħat sinjal ċar li jemmen fiż-żgħażagħ”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Demm ġdid fil-Kunsilli Lokali
L-Ispeaker tal-Kamra qal li kien privileġġ kbir għalih li jippresedji fuq din id-diskussjoni f’kamra li serviet ta’ post li fiha ttieħdu ħafna deċiżjonijiet storiċi u importanti bhad-diskussjoni ta’ meta Malta ingħatat kostituzzjoni, ta’ meta Malta saret Stat u imbagħad wara saret Repubblika.
Is-Shadow Minister David Aguis qal li l-politiċi tal-lum qed jaħdmu biex wara li dak ingħata 20 sena issa ngħatu parti oħra mir-responsabilita’ tagħna lill-Kunsilli Lokali. Huwa appella biex iż-żgħażagħ jagħmlu l-massimu minn din l-opportunita’ u jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Is-Sur Michael Cohen qal li l-okkażżjoni tal-lum hija l-qofol tal-ħidma li għamel il-Kumitat ta’ Monitoraħħ vot 16.
Il-Kampanja Vot 16 tnediet 7 xhur ilu u minn dak in-nhar sal-lum saru għadd ta’ laqgħat m’għadd ta’ persuni distinti u istituzzjonijiet inkluż barra minn Malta fosthom fi Brussell u Strasburgu.
Dr Andrew Azzopardi qal li l-okkażżjoni tal-lum temozjonah għaliex dan huwa pass storiku. Tenna li l-mozzjoni ippreżentata llum qed tidħol fi żmien ideali għaliex din hija l-mozzjoni tal-emanċipazzjoni.
Bil-mozzjoni ppreżenta llum żgħażagħ ta’ bejn 16 u 18 –il sena ser ikollhom l-opportunita’ li jivvutaw fl-ewwel elezzjonijiet tal-Kunsilli lokali fis-sena 2015.
Aktar riformi: Il-Pass Naturali li jmiss
Fl-intervent finali tiegħu is-Segretarju Parlamentari qal li l-pass naturali li jmiss huwa li l-Kunsilli Lokali jingħataw aktar awtonomija u indipendenza fiskali. Qal li l-Gvern fiħhsiebu jagħti aktar skop lir-reġjuni filwaqt li dalwaqt iħabbar riforma fl-infurzar lokali.
Huwa ħabbar ukoll li l-bord ta’ monitoraġġ ser jibqa għaddej bix-xogħol tiegħu din id-darba b’termini ta’ referenza ġodda ħalli iż-żgħażagħ ta’ 16 –il sena jingħataw aktar drittijiet milli ingħataw s’issa fosthom id-dritt li jikkontestaw u jivvutaw fl-elezzjoniji tal-Parlament Ewropew.
Other Press Releases:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038