Left arrow Go Back

IS-SOĊJETÀ MUŻIKALI SANTA KATERINA TAŻ-ŻURRIEQ TFAKKAR GĦELUQ L-400 SENA MIT-TWELID TA’ MATTIA PRETI

pr2580
Date Icon 20/11/2013

Imniedi programm t’attivitajiet mis-Soċjetà Mużikali Santa Katerina taż-Żurrieq biex jitfakkar għeluq il-150 anniversarju mit-twaqqif tagħha fl-1864. B’rabta ma’ dan, is-Soċjetà għażlet li tfakkar ukoll l-erba’ mitt sena mit-twelid tal-pittur Mattia Preti li mhux biss għex għal żmien twil fir-raħal taż-Żurrieq iżda ħalla wkoll bosta xogħlijiet artistiċi li għadhom jitgawdew sal-lum.

F’konferenza tal-aħbarijiet fis-sede tas-Soċjetà fiż-Żurrieq, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella esprima l-apprezzament tiegħu għall-fatt li s-Soċjetà qed tagħti s-sehem tagħha biex Mattia Preti jitfakkar ukoll fil-lokalità taż-Żurrieq.

Il-Ministru Vella faħħar il-fatt li s-Soċjetà Mużikali Santa Katerina għażlet li tiftaħ l-attivitajiet tagħha b’wirja artistika dwar Mattia Preti u sostna li dan juri kif is-Soċjetà ma kinitx hemm biss biex torganizza l-festa darba fis-sena iżda qed timpenja ruħha wkoll fit-tixrid tal-kultura u l-mużika.

Il-Ministru Karmenu Vella qal li jinsab persważ li bħas-Soċjetà Mużikali Santa Katerina se jkun ħafna soċjetajiet oħra li se jkollhom sehem qawwi x’jagħtu fis-snin li ġejjin meta Malta jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017 kif ukoll sena wara fl-2018, meta pajjiżna se jkun qed jiċċelebra t-titlu tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-President tas-Soċjetà Mużikali Santa Katerina Philip Schembri ddeskriva s-sena 2014 bħala waħda ta’ importanza kbira għas-Soċjetà. Spjega kif il-kumitat organizzattiv ħejja programm t’attivitajiet li beda mill-ġimgħa li għaddiet bil-ftuħ tal-wirja dwar Mattia Preti u se jibqa’ sejjer matul is-sena d-dieħla.

Il-wirja li se tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ Novembru 2013 tikkonsisti f’16-il biċċa ta’ pittura li 8 minnhom inħadmu minn Mattia Preti nnifsu, filwaqt li l-kumplament inħadmu mill-‘bottega’ taħt id-direzzjoni tiegħu.

Attività oħra li s-Soċjetà se tkun qed ittella’ hija Akkademja Mużikali fil-Knisja ta’ Santa Katerina fit-22 ta’ Novembru fejn ser ikunu esegwiti siltiet mill-‘Vespri e Messa per una Vergine e Martire’, kompożizzjoni oriġinali għall-Orkestra ta’ Dr Chris Role. F’din l-Akkademja se jkun qed jagħti s-sehem tiegħu l-kor Coro Bel Canto bis-sehem ukoll ta’ diversi vuċijiet.

Is-Soċjetà se tkun qed torganizza wkoll ġurnata sħiħa t’attivitajiet għall-familja kollha l-Ħadd 24 ta’ Novembru fil-pjazza prinċipali taż-Żurrieq fejn id-dħul kollu minnha se jkun qed imur b’risq l-ISTRINA 2013.

Tħabbar ukoll kif għas-sena d-dieħla s-Soċjetà qed tippjana li torganizza numru t’attivitajiet fosthom dawk kulturali u mużikali li jinkludu kunċert b’tema pop fiż-Żurrieq u ieħor mużikali mill-Banda Santa Katerina, festival tal-baned, kunċert live għaż-żgħażagħ, re-enactment tal-istorja tas-Soċjetà, flimkien ma’ attivitajiet bi skop filantropiku bħall-għoti tad-demm mill-membri tas-Soċjetà u xogħol fil-komunità.

Is-Soċjetà se tkun qed tagħti wkoll opportunità lill-bandisti tagħha biex kif sar fil-passat, ikomplu jieħdu esperjenza internazzjonali bil-parteċipazzjoni f’ġemellaġġ ma’ banda fil-Ġermanja, fl-istess ħin li f’Settembru tospita lil din il-banda f’pajjiżna għall-festa ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq.

Fi tmiem il-konfernza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella żar ix-xogħlijiet tal-arti ta’ Mattia Preti li jinsabu esebiti fis-sala prinċipali filwaqt li kien ukoll preżentat b’tifkira mill-President tas-Soċjetà.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

PR262038

AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

More Press Releases Right arrow