ELUF IWIEĠBU GĦALL-ISTEDINA GĦAWDXIJA
Il-Ministru Anton Refalo jirringrazzja lil dawk li taw is-sehem tagħhom f’dan il-weekend ta’ suċċess.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo dalgħodu rringrazzja lil dawk kollha li taw sehmhom biex il-Gozo Free Travel Weekend tkun suċċess.
"Kulħadd bi tbissima, dawk li taw xi servizz, dawk li organizzaw xi attivita', dawk li fetħu n-neogzji tagħhom u dawk l-eluf ta' Maltin u barranin li żaru Għawdex f'dan it-tmiem il-ġimgħa" hekk sostna l-Ministru għal Għawdex fl-ewwel reazzjoni tiegħu ftit sigħat wara li ntemmet din l-inizjattiva li kienet unika għal gżira ta' Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex bagħat messaġġ lill-ħaddiema tal-Gozo Channel li laqgħu l-isfida u tant kienu ġentili u organizzati biex laqgħu għall-influs ta' Maltin.
F'messaġġ ieħor lill-pulizija l-Ministru Refalo faħħar l-organizzazzjoni li ħejjew biex il-que kien wieħed organizzat u ddixxiplinat.
Il-Ministru għall-Għawdex innota li l-attivitajiet li kienu organizzati fi tmiem il-ġimgħa kienu kollha suċċess u deher ċar li meta jkun hemm l-għaqda, jkun hemm l-impenn ta' kulħadd, l-gżira Għawdxija hi kalamita' għal kulħadd b'karatteristiċi uniċi. Dawk li żaru Għawdex fi tmiem din il-ġimgha setgħu iduqu minn dak li għandu x'joffri Għawdex anke fil-jiem tax-xitwa.
L-industrija wkoll qamet għall-okkażjoni u taw servizz mill-aqwa. Veru li kien hemm min kellu jistenna sakemm ħa s-servizz minħabba l-massa kbira ta' persuni, imma wara kulħadd ħareġ sodisfatt fejn seta' japprezza l-kċina Għawdxija bi prodotti ġenwini u friski.
Din mhix se tkun l-ewwel u l-aħħar inizjattiva biex Għawdex jilqa' lil Maltin u lil barranin fostna f'dawn ix-xhur tax-xitwa. L-appuntament li jmiss se jkun Bethlehem f'Għajnsielem fejn bejn l-14 ta' Diċembru u l-5 ta' Jannar il-familji jistgħu isegwu presepju ħaj mifrux fuq għoxrin tommna art, b'aktar minn mija u għoxrin personaġġ, bi ħwienet tax-xogħol fost għadd ta' annimali.
Il-Ministru Anton Refalo ħa l-opportunita' biex jirringrazzja wkoll lill-eluf ta' Maltin u barranin li laqgħu l-istedina u żaru Għawdex f'din l-ewwel Gozo Free Travel Weekend.
Other Press Releases:
PR262038en
FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE
PR262038